Beijing +15 - Pjattaforma tan-NU għal Azzjoni favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
26.1.2010
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0006/10
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Eva-Britt Svensson f’isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
lill-Kunsill
L-Unjoni Ewropea ilha tipprova tilħaq l-għan tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal iktar minn 50 sena. L-Artikolu 2 tat-Trattat jgħid li l-Unjoni għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll varjetà kbira ta' strumenti għal dan il-għan, fosthom leġiżlazzjoni, proposti għal politiki u impenji baġitarji. Biex tiġi valutata l-effettività ta' dawn l-istrumenti differenti li jwasslu sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, jeħtieġ li jkun hemm data statistika paragunabbli u li tiddifferenzja bejn is-sessi.
Il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi se tkun possibbli biss jekk isir sforz fuq kull livell. Fuq livell internazzjonali, l-iktar proċess sinifikanti qed iseħħ fil-qafas ta' Beijing tan-Nazzjonijiet Uniti. Ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Beijing fl-1995 ibbażat ħidmitha fuq il-prinċipju fundamentali li permezz tiegħu d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet huma rikonoxxuti bħala parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem. Ħmistax-il sena wara, fuq livell dinji sar progress biss f'uħud mill-oqsma identifikati fil-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing.
X’tista’ tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tappoġġja l-ħidma tan-NU fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi?
L-indikaturi għall-ugwaljanza bejn is-sessi li ġew żviluppati fil-livell tal-UE għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing b’liema mod jistgħu jikkontribwixxu fil-mekkaniżmi ta' monitoraġġ tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010?
Kif tista’ tinħoloq rabta bejn l-indikaturi tal-UE u l-pjan direzzjonali li jmiss tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi?
X'azzjonijiet jistgħu jittieħdu fl-oqsma fejn illum għad m'hemmx indikaturi fil-livell tal-UE - id-Drittijiet tan-Nisa, in-Nisa u l-Midja u n-Nisa u l-Ambjent?
Imressqa: 26.01.2010
Mibgħuta: 27.01.2010
Skadenza: 17.02.2010