Mistoqsija Parlamentari - O-0025/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0025/2010

Taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji

MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0025/10
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Sharon Bowles f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
lill-Kummissjoni

Proċedura : 2009/2750(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0025/2010
Testi mressqa :
O-0025/2010 (B7-0019/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tat-tiġdid tal-kuntratt ekonomiku u soċjali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-soċjetà li huma jservu u l-importanza li jiġi żgurat li l-pubbliku jibbenefika fi żminijiet tajbin u jkun protett mir-riskju. Il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ f’dan il-kuntest lill-FMI biex fir-reviżjoni tiegħu jikkunsidra l-firxa sħiħa ta' għażliet li jinkludu fost affarijiet oħra imposta globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji. F’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw il-prinċipji ewlenin li l-arranġamenti globali l-ġodda jeħtieġu jirrispettaw.

 

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-President Barroso ddikjara fil-Parlament li hu kien tal-fehma li taxxa finanzjarja globali hija “idea tajba ħafna”, b’mod partikulari fir-rigward tal-finanzjament innovattiv tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima. Huwa informa wkoll lill-Parlament li l-Kummissjoni kienet qed taħdem f’dan il-qassam “sabiex tressaq proposti fi żmien xieraq”.

 

Barra minn hekk, il-FMI qed jiġbor opinjonijiet mill-pubbliku dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju bħala parti mit-talba li saret mill-G-20 fis-Samit ta’ Pittsburgh tal-24 u l-25 ta’ Settembru 2009.

 

F’dan l-isfond u fil-kuntest tal-UE li qed tivvaluta l-introduzzjoni u l-konsegwenzi ta’ taxxa possibbli fuq it-transazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-UE u f’dak globali, il-Kummissjoni tista’ tispjega:

 

  1. x’tip ta’ għażliet qed taħdem fuqhom attwalment fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji;

 

  1. x’vantaġġi u żvantaġġi tara fl-għażliet relatati ma’ taxxa globali jew tal-UE fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, inklużi l-fattibilità tagħhom u l-fororm li jistgħu jieħdu;

 

  1. jekk tagħmilx proposta jekk ikun jidher ċar li s-sħab ewlenin tagħna ma jkunux qed jintroduċu taxxa ta’ dan it-tip;

 

  1. jekk it-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji jistgħux ikunu għodda regolatorja komplementari fil-kuntest tar-riformi tas-swieq finanzjarji;

 

  1. jekk dawn it-taxxi jistgħux jintużaw biex jorjentaw is-sistema finanzjarja fit-tul;

 

  1. x'inhu l-ħsieb attwali dwar kif se jiġi allokat id-dħul iġġenerat;

 

  1. jekk hux se tikkommetti ruħha għal kalendarju fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ studju analitiku u valutazzjoni tal-impatt u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta?

 

 

Imressqa: 24.02.2010

Mibgħuta: 26.02.2010

Skadenza: 05.03.2010