Mistoqsija Parlamentari - O-0027/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0027/2010

Implimentazzjoni taż-Żona ta' Pagamenti Uniċi bl-Euro (SEPA)

MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0027/10
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Sharon Bowles f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
lill-Kummissjoni

Proċedura : 2010/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0027/2010
Testi mressqa :
O-0027/2010 (B7-0201/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Is-SEPA bdiet uffiċjalment f'Jannar 2008 meta tnieda t-Trasferiment tal-Kreditu SEPA (SCT). Minn Novembru 2009, kienet ukoll disponibbli l-iskema ta' Debitu Dirett SEPA (SDD). Is-SEPA timplika li m'hemm l-ebda distinzjoni bejn ħlasijiet transkonfinali u nazzjonali, u dan jimplika li m'għandhomx jiġu offruti strumenti nazzjonali antiki b'mod parallel għal dewmien indefinit. Madankollu, l-iskadenza oriġinali għall-migrazzjoni ta' massa kritika għas-SCT, is-SDD u l-ħlasijiet bil-karti sa tmiem l-2010 m'għadhiex realistika. L-użu tal-istandards tas-SEPA għadu baxx u huwa limitat l-iktar għal ħlasijiet transkonfinali. Il-Kummissarju maħtur għas-Suq Intern u s-Servizzi iddikjara, fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu lill-kwestjonarju tal-Parlament Ewropew, li kellu l-ħsieb li jipproponi inizjattiva leġiżlattiva għall-adozzjoni mill-Kulleġġ bl-għan li tiġi stabbilita skadenza waħda jew iktar għall-migrazzjoni lejn il-prodotti tas-SEPA għal debiti diretti u trasferimenti tal-krediti, kif ukoll inizjattiva biex titjieb il-governanza. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet tal-applikazzjoni ta' miżati ta' interskambju multilaterali (MIF) għal Debiti Diretti tas-SEPA u għal ħlasijiet bil-karti għadhom ma ġewx solvuti definittivament. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tat-2 ta' Diċembru 2009 ġie ddikjarat li l-Kunsill “iħeġġeġ lill-banek u lill-istituzzjonijiet ta' ħlas biex jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw b'mod attiv prodotti attraenti tas-SDD u jtejbu l-issosdisfar tal-ħtiġijiet tal-klijenti, filwaqt li mill-inqas joffru lill-klijenti livelli paragunabbli ta' prezzijiet, servizzi, sigurtà u garanziji kurrenti, u b'hekk jiffaċilitaw il-migrazzjoni mill-prodotti nazzjonali eżistenti ta' debitu dirett lejn prodotti ġodda tas-SDD".

 

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tista' tispjega:

 

  Meta taħseb li tikkomunika skadenza ċara u vinkolanti għall-migrazzjoni lejn strumenti tas-SEPA, liema tista' tkun dik id-data u kif għandha tiġi imposta?

 

  Kif bi ħsiebha tistabbilixxi definittivament iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-applikazzjoni ta' MIF, kemm għad-Debitu Dirett SEPA kif ukoll għal ħlasijiet bil-karti?

 

  Hekk kif l-industrija tidher li qed issibha diffiċli biex issib soluzzjonijiet f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kif bi ħsiebha tħeġġeġ lill-industrija biex issib soluzzjonijiet reali, bi qbil mal-liġi konkorrenzjali?

 

  Kif bi ħsiebha twieġeb it-talba tal-Kunsill li qabel nofs l-2010, tfaqqaf struttura ta' governanza u ta' monitoraġġ tas-SEPA fil-livell tal-UE, u kif se jkun involut il-Parlament Ewropew f'din l-istruttura?

 

  Il-Kummissjoni x'qed tippjana li tagħmel biex iġġiegħel lill-Kunsill għall-Ħlasijiet Ewropej jikkunsidra t-talbiet tal-utenti aħħarin tas-servizzi tal-ħlasijiet?

 

 

Imressqa: 24.02.2010

Mibgħuta: 26.02.2010

Skadenza: 05.03.2010