Projbizzjoni fuq l-użu tat-teknoloġiji tat-tħaffir biċ-ċjanur fl-UE
17.3.2010
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0035/10
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn János Áder u László Tőkés f’isem il-Grupp PPE
lill-Kummissjoni
Iċ-ċjanur huwa sustanza kimika tossika ħafna li tintuża fl-industrija tat-tħaffir għad-deheb u li jista’ jkollha impatt katastrofiku u irriversibbli fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Huwa wkoll inkwinant ewlieni skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD).
Għaxar snin ilu iktar minn 100 000 metru kubu ta’ ilma mniġġes biċ-ċjanur ħarġu minn ġibjun ta' barriera tad-deheb f'Baia Mare (ir-Rumanija) għal ġos-sistema tax-Xmajjar Szamos – Tisza – Danubju u kkawża l-ikbar diżastru ekoloġiku fl-Ewropa Ċentrali f’dak iż-żmien. Materjali tossiċi qatlu bosta organiżmi, filwaqt li għamlu ħsara lis-sistema ekoloġika, lill-katina tal-ikel u lill-użu essenzjali tax-xmajjar mill-bniedem għal bosta snin.
Minkejja li diversi leġiżlazzjonijiet tal-UE ġew adottati sabiex jissaħħu r-regoli dwar l-użu taċ-ċjanur fit-tħaffir – saħansitra xi Stati Membri introduċew projbizzjoni dwar dan – it-teknoloġija għad tista’ tintuża legalment fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, għad mhemmx regoli prudenzjali u garanziji finanzjarji xierqa, u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tiddependi wkoll mill-ħiliet tas-setgħet eżekuttivi ta’ kull Stat Membru.
Għalhekk ma hemm l-ebda garanzija reali li inċident bħal dan ma jerġax iseħħ, partikolarment meta jitqiesu l-kundizzjonijiet tat-temp estremi li dejjem qed imorru għall-agħar bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima. Hemm bosta proġetti eżistenti u ppjanati għat-tħaffir biċ-ċjanur madwar l-Ewropa u hija biss kwistjoni ta’ żmien u ta' negliġenza min-naħa tal-bniedem li sseħħ katastrofi.
Billi jitqies il-fatt li l-industrija Ewropea tat-tħaffir għad-deheb tirrappreżenta biss 1% tal-produzzjoni tad-deheb globali, li ssir l-iktar minn kumpaniji multinazzjonali, u li t-tħaffir biċ-ċjanur jeħtieġ inqas forza tax-xogħol, filwaqt li jġib miegħu r-riskju ta’ ħsara ekoloġika transkonfinali enormi, għandha titqies projbizzjoni ġenerali fuq it-tħaffir biċ-ċjanur fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u fid-dawl tal-impenji skont id-WFD għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, kif ukoll biex jinkiseb u jinżamm ‘status tajjeb’ tal-ilmijiet, il-Kummissjoni se tipproponi projbizzjoni għall-UE kollha fuq l-użu taċ-ċjanur fit-tħaffir għad-deheb?
Imressqa: 17.03.2010
Mibgħuta: 19.03.2010
Skadenza: 26.03.2010