Il-kriżi tal-irmied volkaniku
10.5.2010
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0061/10
skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Brian Simpson f’isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
lill-Kummissjoni
L-għeluq ta' parti kbira tal-ispazju tal-ajru Ewropew wara li f'April żbroffa l-vulkan Islandiku Eyjafjallajökull wassal għal sitwazzjoni insostenibbli, b'konsegwenzi gravi sew għall-passiġġieri kif ukoll għas-settur tal-avjazzjoni. It-tqawwija tal-attività vulkanika fl-4 ta' Mejju hija tfakkira li s-sitwazzjoni għadha għaddejja u li jeħtiġilna imperattivament nieħdu tagħlimiet importanti mill-kriżi.
Il-Kummissjoni kif tivvaluta r-risposta tal-UE għall-kriżi u l-għodod ta' ġestjoni tal-kriżi li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha? Il-Kummissjoni tista' tagħti aktar dettalji dwar l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni dwar il-mobbiltà biex jgħin lill-UE tkampa aħjar matul kriżijiet ta' dan it-tip?
L-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) hija waħda mill-aktar aspetti importanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni, u kellha tipprovdi koordinament aħjar matul il-kriżi. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta' Mejju, il-Kunsill jaqbel li 'bla dewmien jinħatar koordinatur tal-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru'. Dan sa liema data previst li jsir? X'miżuri oħra jistgħu jittieħdu biex niżguraw li l-pjan tal-SES jiġi implimentat aktar bil-ħeffa?
Il-Kummissjoni kif tivvaluta l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri matul il-kriżi, u l-Kummissjoni kif sejra timxi fuq ir-riluttanza għall-ottemperanza mal-leġiżlazzjoni Ewropea? X'valutazzjoni għamlet tal-lakuni li jistgħu jokkorru fir-rigward ta' linji tal-ajru ta' pajjiżi terzi?
Is-settur tal-avjazzjoni bata partikolarment bil-kbir matul din il-kriżi. Biex niżguraw li kwalunkwe għajnuna finanzjarja lis-settur tinqasam b'mod ekwu, il-miżuri għandhom ikunu fuq l-iskala tal-UE kollha kemm hi. Ġaladarba xi Stati Membri huma riluttanti fuq l-għajnuna lis-settur, x'qafas u x'kontrolli tipprevedi l-Kummissjoni għal miżuri biex itaffu l-impatt ekonomiku fuq is-settur?
Il-Kummissjoni x'miżuri sejra tieħu biex tutilizza l-aħjar prattiki minn inħawi tad-dinja li fihom l-eruzzjonjiet vulkaniċi huma aktar komuni, speċjalment billi ttejjeb id-definizzjoni tal-livell ta' periklu għaż-żoni tal-ajru u fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji innovattivi?
Imressqa: 10.05.2010
Mibgħuta: 12.05.2010
Skadenza: 19.05.2010