Mistoqsija Parlamentari - O-0074/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0074/2010

Ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013

Mistoqsija għal tweġiba orali O-0074/2010
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Reimer Böge
f'isem il-Kumitat għall-Baġits

Proċedura : 2010/2648(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0074/2010
Testi mressqa :
O-0074/2010 (B7-0310/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

It-Trattat ta' Lisbona ta lill-Unjoni prijoritajiet ġodda, inkluż fl-oqsma tal-azzjoni esterna, tal-isport, tal-ispazju, tat-tibdil fil-klima, tal-enerġija, tat-turiżmu u tal-protezzjoni ċivili. L-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha. Id-Dikjarazzjoni nru 3 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba[1] jgħid li, "Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni ġiet mistiedna twettaq reviżjoni sħiħa u estensiva li tkopri l-aspetti kollha tal-infiq tal-UE, inkluża l-Politika Agrikola Komuni, u tar-riżorsi, inkluża l-korrezzjoni favur ir-Renju Unit, u biex tirrapporta fl-2008/2009". Barra minn hekk, il-punt 4 tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprovdi aġġustamenti għall-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 (MFF) "jekk isseħħ reviżjoni tat-Trattati li jkollha implikazzjonijiet baġitarji".

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika sostanzjali dwar il-finanzi tal-UE fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, li stiednu lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni sħiħa u estensiva tal-aspetti kollha tal-infiq u tar-riżorsi tal-UE.

Tul l-aħħar erba' snin tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali, seta' biss ikun hemm qbil dwar il-baġits annwali jew permezz tal-użu tal-marġni eżistenti jew permezz tal-użu tal-istrumenti previsti mill-Ftehim Interistituzzjonali biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet tal-UE bħall-Galileo, il-faċilità tal-ikel jew il-Pjan ta' Rkupru Ewropew.  Il-marġnijiet taħt il-limiti massimi kollha tal-MFF attwali issa huma ristretti ħafna, u se jibqgħu hekk anke matul is-snin 2011-2013. Il-marġni fl-Intestatura 2 (Agrikoltura) ma jħalli kważi l-ebda spazju għal immanuvrar fis-snin li ġejjin, il-marġnijiet li jibqa' fl-Intestaturi 1a u 4 ma joffru assolutament l-ebda lok biex dak li jkun jirreaġixxi għal ħtiġijiet mhux previsti, u l-marġnijiet tal-Intestaturi 3b u 5 qed jiċkienu wkoll.

L-MFF għandu għalhekk jiġi rivedut biex jipprovdi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-politika relatati mat-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll inizjattivi oħrajn li jippermettu lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Peress li l-ħtieġa ta' reviżjoni hija marbuta direttament mal-introduzzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, għandha tiġi ttrattata bħala parti mill-pakkett ta' miżuri meħtieġa biex l-istrutturi baġitarji eżistenti jiġu allinjati mar-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona.

Ir-reviżjoni ta' Lisbona trid tinkludi aġġustament tekniku u politiku tal-Ftehim Interistituzzjonali u tal-MFF eżistenti fuq il-bażi tar-rapport dwar il-funzjonament tal-Ftehim Interistituzzjonali u r-reviżjoni ta' ċerti pakketti baġitarji eżistenti tal-programmi multiannwali maqbula sal-2013.

L-Artikolu 312 tat-TFUE jgħid li l-Kunsill għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali. Dan ir-regolament għandu jallinja d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali attwali dwar id-Dixxiplina Baġitarja mar-rekwiżiti tat-Trattat.

Il-Kunsill jaqbel dwar il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali biex ikun hemm konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 u biex isir konformi mar-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona? Il-Kunsill kif qed jippjana li jipprovdi finanzjament għall-inizjattivi li jinsabu fl-istrateġija UE 2020 kif ukoll għad-diversi inizjattivi u impenji politiċi li ħa matul l-MFF attwali u dak li jmiss?

Il-Kunsill jaqbel li reviżjoni bħal din għandha tirrispetta l-ispirtu u l-kelma tad-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 312(5) tat-TFUE, skont liema artikolu d-deċiżjonijiet biex jiġu emendati l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali jiġu maqbula b'mod konġunt bejn l-istituzzjonijiet fil-kuntest ta' djalogu politiku strutturat mal-Parlament li jqis b'mod sħiħ ix-xewqat tal-Parlament?

Imressqa: 20.5.2010

Mgħoddija: 21.5.2010

L-iskadenza għat-tweġiba: 11.6.2010