Ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013
20.5.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0075/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Reimer Böge
f'isem il-Kumitat għall-Baġits
It-Trattat ta' Lisbona jagħti prijoritajiet ġodda lill-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-azzjoni esterna, tal-isport, tal-ispazju, tat-tibdil fil-klima, tal-enerġija, tat-turiżmu u tal-protezzjoni ċivili. L-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi li l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha. Id-Dikjarazzjoni Nru 3 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba[1] tgħid li, "Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni ġiet mistiedna twettaq reviżjoni sħiħa u estensiva li tkopri l-aspetti kollha tal-infiq tal-UE, inkluża l-Politika Agrikola Komuni, u tar-riżorsi, inkluża l-korrezzjoni favur ir-Renju Unit, u biex tirrapporta fl-2008/2009". Barra minn hekk, il-punt 4 tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprovdi aġġustamenti għall-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013 (MFF) "jekk isseħħ reviżjoni tat-Trattati li jkollha implikazzjonijiet baġitarji".
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika sostanzjali dwar il-finanzi tal-UE fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, li stiednu lill-Kummissjoni biex twettaq reviżjoni sħiħa u estensiva tal-aspetti kollha tal-infiq u tar-riżorsi tal-UE.
Tul l-aħħar erba' snin tal-MFF attwali, seta' biss ikun hemm qbil dwar il-baġits annwali jew permezz tal-użu tal-marġni eżistenti jew permezz tal-użu tal-istrumenti previsti mill-Ftehim Interistituzzjonali biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet tal-UE bħall-Galileo, il-faċilità tal-ikel jew il-Pjan ta' Rkupru Ewropew. Il-marġnijiet taħt il-limiti massimi kollha tal-MFF attwali issa huma ristretti ħafna, u se jibqgħu hekk anke matul is-snin 2011-2013. Il-marġni fl-Intestatura 2 (Agrikoltura) ma jħalli kważi l-ebda spazju għal immanuvrar fis-snin li ġejjin, il-marġnijiet li jibqa' fl-Intestaturi 1a u 4 ma joffru assolutament l-ebda lok biex dak li jkun jirreaġixxi għal ħtiġijiet mhux previsti, u l-marġnijiet tal-Intestaturi 3b u 5 qed jiċkienu wkoll.
L-MFF għandu għalhekk jiġi rivedut biex jipprovdi r-riżorsi addizzjonali meħtieġa biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-politika relatati mat-Trattat ta' Lisbona, kif ukoll inizjattivi oħrajn li jippermettu lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha u l-aspettattivi taċ-ċittadini. Peress li l-ħtieġa ta' reviżjoni hija marbuta direttament mal-introduzzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, għandha tiġi ttrattata bħala parti mill-pakkett ta' miżuri meħtieġa biex l-istrutturi baġitarji eżistenti jiġu allinjati mar-rekwiżiti tat-Trattat ta' Lisbona.
Ir-reviżjoni ta' Lisbona trid tinkludi aġġustament tekniku u politiku tal-Ftehim Interistituzzjonali u tal-MFF eżistenti fuq il-bażi tar-rapport dwar il-funzjonament tal-Ftehim Interistituzzjonali u r-reviżjoni ta' ċerti pakketti baġitarji eżistenti tal-programmi multiannwali maqbula sal-2013.
Il-Kummissjoni meta se tressaq proposta globali biex tagħmel aġġustament għall-qafas finanzjarju pluriennali għall-prijoritajiet l-ġodda li jinsabu fit-Trattat ta’ Lisbona, biex jiġi ffinalizzat il-pakkett ta’ proposti meħtieġa biex l-istrutturi baġitarji preżenti jiġi allinjati mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona? Il-Kummissjoni kif qed tippjana li tipprovdi għall-inizjattivi msemmija fl-istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll għall-inizjattivi varji meħuda dan l-aħħar mill-Kunsill Ewropew?
L-Artikolu 312 tat-TFUE jistqarr li l-Kunsill għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali (MFF). Dan ir-regolament għandu jallinja d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali attwali dwar id-Dixxiplina Baġitarja mar-rekwiżiti tat-Trattat. L-Artikolu 312.5 tat-TFEU jistqarr li “Tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din l-adozzjoni".
Il-Kummissjoni x’biħsiebha tagħmel biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-Artikolu 312.5 tat-TFEU?
Imressqa: 20.5.2010
Mgħoddija: 24.5.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 31.5.2010
- [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.