Mistoqsija Parlamentari - O-0080/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0080/2010

Il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta' verifika mill-Kummissjoni (Eurostat)

Mistoqsija għal tweġiba orali O-0080/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Othmar Karas, Sharon Bowles
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Proċedura : 2010/2728(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0080/2010
Testi mressqa :
O-0080/2010 (B7-0314/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fis-27 ta' April 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 479/2009[1] dwar il-kwalità tad-dejta tal-istatistika fil-kuntest ta' proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (COM(2010)0053). Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali rigward din il-proposta fit-8 ta' Ġunju 2010 u l-Parlament qiegħed fil-proċess li jagħti l-opinjoni tiegħu.

1. Il-Kummissjoni kif biħsiebha ssaħħaħ il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-kwalità tad-data pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali, meta jitqiesu s-setgħat il-ġodda previsti fir-regolament? Il-Kummissjoni sodisfatta bl-approċċ ġenerali miftiehem fil-Kunsill fit-8 ta' Ġunju 2010 meta mqabbel mad-deċiżjoni tal-Kunsill fl-2005 li ma jagħtix lill-Kummisjoni (Eurostat) l-għodod meħtieġa?

2. Il-Kummissjoni kif tixtieq issaħħaħ il-kwalità tal-istatistika Ewropea fuq perjodu ta' żmien medju u twil, meta jitqies li t-titjib fil-governanza ekonomika huwa possibbli biss jekk is-sorveljanza ekonomika tkun ibbażata fuq statistika preċiża u metodu standardizzat u internazzjonalment aċċettat ta' kontabilità?

3. Il-Kummissjoni wettqet analiżi approfondita ta' jekk l-Istati Membri kkonformawx mad-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti, u ta' jekk uħud minnhom ippreżentawx falsifikazzjonijiet jew data jew statistika falza intenzjonalment jew bi traskuraġni?

4. Il-Kummissjoni tqis li jkun tajjeb li jissaħħaħ ir-rwol tal-Eurostat, billi jsir awtorità/istituzzjoni kompletament indipendenti?

5. Il-Kummissjoni taqbel li l-Eurostat jingħata aktar setgħat biex jagħmel ispezzjonijiet fil-post mingħajr avviż minn qabel u biex jagħmel intervisti ma' kwalunkwe organizzazzjoni li jqis li tkun rilevanti għal ħidmietu?

6. Il-Kummissjoni għalfejn ipproponiet li tuża proċedura leġiżlattiva speċjali, jiġifieri l-Artikolu 126(14) tat-Trattat, bħala l-bażi legali għall-proposta tagħha, minkejja li l-Artikolu 338(2) tat-Trattat jipprovdi bażi legali speċifika fir-rigward tal-kwalità tal-istatistika fl-UE u minkejja li l-proposta li qed tiġi diskussa ma tittrattax il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv fil-veru sens tal-kelma?

Imressqa: 4.6.2010

Mgħoddija: 8.6.2010

L-iskadenza għat-tweġiba: 15.6.2010