Ftehimiet Komunitarji ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi
7.7.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0104/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sylvie Guillaume, Claude Moraes
f'isem il-Grupp S&D
Hélène Flautre, Judith Sargentini
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst, Rui Tavares, Marie-Christine Vergiat
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Malika Benarab-Attou
Sal-lum, l-Unjoni Ewropea hija firmatarja ta' 11-il ftehim ta' riammissjoni. Tinsab għaddejja bin-negozjati ta' 7 ftehimiet oħra, li tnejn minnhom (mal-Pakistan u mal-Ġeorġja) kważi waslu għal konklużjoni filwaqt li wieħed (mat-Turkija) għandu jiġi ffirmat minn hawn u ftit ieħor. Dawn il-ftehimiet saru l-għodda Komunitarja ewlenija biex "nikkontrollaw il-fluss" tal-immigranti irregolari. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew issa għandu setgħat imsaħħa f'dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali. Il-Kummissjoni x'garanziji tista' tagħti lill-Parlament Ewropew f'termini ta' trasparenza u tad-dritt għall-informazzjoni dwar il-proċess tan-negozjati ta' dawn il-ftehimiet?
Il-Kummissjoni x'garanziji tista' toffri fil-każ li dawn il-pajjiżi ma jkunux firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra jew ta' konvenzjonijiet oħra dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali? L-iffirmar ta' dawn il-konvenzjonijiet m'għandhux isir qabel l-iffirmar ta' ftehimiet ta' dan it-tip? Fid-dawl tan-nuqqas ta' sistema uniformi tal-asil fl-Ewropa u tar-riskji dejjem possibbli tar-'refoulement', jidher li dan huwa indispensabbli.
Kif jista' jkun possibbli li, bħala awtorità leġiżlattiva, napprovaw tali ftehimiet b'mod raġonevoli bla ma għandna, wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel ftehim ta' dan it-tip fl-2004, l-ebda evalwazzjoni dettaljata dwar l-effikaċità ta' dawn l-istrumenti u dwar is-segwitu tal-implimentazzjni tagħhom?
Huwa leġittimu li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jwettqu r-ripatrijazzjoni fl-assenza ta' risposta mill-pajjiż terz, fl-iskadenzi ta' żmien stipulati, għal applikazzjoni għar-riammissjoni ta' ċittadin tiegħu, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi tranżitu minn dan il-pajjiż jew ta' persuni bla Stat?
Dawn il-ftehimiet m'għandhomx isemmu espliċitament l-assistenza favur ir-reintegrazzjoni tal-persuni riammessi?
Imressqa: 7.7.2010
Mgħoddija: 9.7.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 16.7.2010