Kontejners mifluħa fuq il-baħar u l-kumpens
23.8.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0115/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Brian Simpson
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Il-11-il Konferenza Ministerjali triaterali fuq il-Baħar ta’ Wadden enfasizzat in-numru dejjem akbar ta’ kontejners marittimi mitlufa mill-bastimenti li jbaħħru f’dan ir-reġjun.
L-istimi tal-industrija juru li aktar minn 2 000 kontejner marittimu fis-sena jintilfu fl-ibħra territorjali tal-UE. Dan kien ikkonfermat mill-proġett ta’ riċerka “Lashing@Sea”, imwettaq mill-Istitut MARIN fil-Pajjiżi l-Baxxi, li wera li r-raġunijiet ewlenin għat-telf ta’ kontejners stivati kienu rbit difettuż, piż eċċessiv tal-kontejners u stivar ħażin. Barra minn hekk, l-ekwipaġġi fuq bastimenti kbar għandhom problemi biex jivvalutaw meta l-piżijiet eċċessivi jkunu qed jiċċaqalqu lejn il-pruwa jew lejn il-poppa minħabba l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi, li jistgħu jamplifikaw l-aċċelerazzjoni vertikali f'dawn iż-żoni b'mod li jmur lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-bastiment.
Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konvenzjoni stretta dwar l-obbligu ta’ kumpens għal sustanzi mhux tossiċi – f’dan il-każ jista’ jiġi applikat biss il-Protokoll tal-1996 għall-Konvenzjoni dwar il-Limitazzjoni tal-Obbligazzjoni għal Talbiet Marittimi – ifisser li l-Istati Membri u l-komunitajiet tal-kosta jiffaċċjaw l-ispejjeż potenzjalment projbittivi ta’ azzjoni legali bil-għan li jiksbu kumpens għall-operazzjonijiet ta’ tindif.
Meta jitqies in-numru ta’ kontejners miftlufa fl-ibħra territorjali tal-UE, il-Kummissjoni beħsiebha tirrevedi r-riżultati tal-proġett “Lashing@Sea” u tieħu azzjoni dwar is-sejbiet tiegħu sabiex ittejjeb il-proċeduri u t-tagħmir ta' rbit tal-kontejners?
Meta jitqies li l-piż eċċessiv u l-istivar ħażin ta’ kontejners huma fatturi li jikkontribwixxu għat-telf ta’ kontejners, il-Kummissjoni kif beħsiebha tirregola sabiex tiżgura li l-kontejners kollha jkunu miżuna fil-port u stivati tajjeb qabel ma l-bastimenti jbaħħru?
Meta jitqies li ħafna mill-kontejners mitlufa ma jiġux irkuprati u dawn jistgħu jkollhom sustanzi perikolużi, il-Kummissjoni taqbel li għandha tinvestiga l-użu ta’ sinjali attivati b’mod awtomatiku għall-għajnuna tas-sejbien tal-kontejners?
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kif beħsiebha tneħħi d-diskrepanza fir-reġim ta’ kumpens u tiżgura, permezz ta’ konvenzjoni tal-obbligazzjoni stretta, li l-inċidenti inkwinanti li jinvolvu inkwinament mhux tossiku mill-vapuri tal-kontejners?
Imressqa: 23.8.2010
Mgħoddija: 25.8.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 1.9.2010