Mistoqsija Parlamentari - O-0116/2010Mistoqsija Parlamentari
O-0116/2010

Ftehimiet Komunitarji ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi

Mistoqsija għal tweġiba orali O-0116/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Nathalie Griesbeck, Renate Weber
f'isem il-Grupp ALDE

Proċedura : 2010/2777(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-0116/2010
Testi mressqa :
O-0116/2010 (B7-0461/2010)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Sa llum, l-Unjoni Ewropea hi firmatarja ta’ 11-il ftehima ta’ riammissjoni. Hi tinsab għaddejja bin-negozjati ta' 7 ftehimiet oħra, li tnejn minnhom (mal-Pakistan u mal-Ġeorġja) kważi waslu għal konklużjoni, u ieħor (mat-Turkija) għandu jiġi ffirmat dalwaqt.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew għandu setgħat imsaħħa f'dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali.

Peress li l-awtorità leġiżlattiva ngħatat responsabilità ġdida, il-Parlament jixtieq jagħti l-opinjoni tiegħu b'mod leġittimu b'għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni dwar dawn il-ftehimiet. Hu talab lill-Kummissjoni biex toħloq mekkaniżmu li jevalwa ftehimiet ta' riammissjoni sabiex ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu b’mod raġjonevoli. Dan il-mekkaniżmu komprensiv għandu jipprovdi tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin:

Il-Kummissjoni x'garanziji tista' tagħti lill-Parlament Ewropew f'termini ta' trasparenza u dritt għall-informazzjoni dwar il-proċess tan-negozjati ta' dawn il-ftehimiet? Il-Kummissjoni tista' timpenja ruħha li tinforma lill-Parlament b’mod regolari u sistematiku dwar id-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin fi ħdan il-kumitati konġunti dwar il-ftehimiet ta' riammissjoni?

Fil-kuntest tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-Kummissjoni liema garanziji tista' tipprovdi, fil-każijiet fejn pajjiżi terzi ma jkunux firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra? L-UE ma għandhiex tirrevedi l-kriterji użati fil-kuntest tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' faċilitazzjoni għall-kisba tal-viża, li jinkorporaw bħala kundizzjoni għall-iffirmar il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u konvenzjonijiet oħrajn dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali?

Il-Kummissjoni lesta li tikkommetti ruħha favur it-twaqqif ta’ dan il-mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-ftehimiet ta' riammissjoni u għall-valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tagħhom għall-persuni li jkunu għaddew minn riammissjoni? Mekkaniżmu bħal dan għandu jiffoka fuq is-sitwazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi riammessi, u b'mod partikolari fuq is-sitwazzjoni ta' persuni li jkunu għaddew minn pajjiż firmatarju tal-ftehim kif ukoll għal dawk mingħajr ċittadinanza. Għandu wkoll jistabbilixxi l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (OIM, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migranti, eċċ.) bil-għan li jinġabru l-istatistiki u jivvalutaw bl-aktar mod preċiż possibbli l-impatt ta' dawn il-ftehimiet dwar ir-riammissjoni ta’ persuni riammessi.

Fl-aħħarnett, il-Grupp ALDE jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex toħloq politika ta' asil komuni koerenti li tiggarantixxi li l-ftehimiet ta' rijammissjoni ma' pajjiżi terzi ma japplikaw għall-ebda ċirkostanza għal persuni li għandhom jingħataw l-istejtus ta' refuġjati.

Imressqa: 30.8.2010

Mgħoddija: 1.9.2010

L-iskadenza għat-tweġiba: 8.9.2010