It-trasferiment ta' data lill-Istati Uniti tal-Amerika mill-Istati Membri fuq il-bażi ta' Memoranda ta' Ftehim
13.10.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0160/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Rui Tavares, Marie-Christine Vergiat
f'isem il-Grupp GUE/NGL
B'reazzjoni għall-'Att tal-2007 li Jimplimenta r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ħdax ta' Settembru' (http://intelligence.senate.gov/laws/pl11053.pdf) tal-Istati Uniti, kien ġie deċiż li jinbdew in-negozjati mal-Istati Uniti fuq il-bażi ta' approċċ fuq żewġ binarji li jinvolvi negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti u negozjati dwar Memoranda ta' Ftehim (MoU) bilaterali bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u Stati Membri individwali. Mhux l-Istati Membri kollha għażlu li jadottaw proċedura miftuħa u trasparenti għan-negozjati bilaterali, u lanqas ma ppreżentaw kollha kemm huma l-MoUs li rriżultaw, lill-parlamenti nazzjonali rispettivi tagħhom għall-approvazzjoni. Hemm indikazzjonijiet li l-MoUs jistgħu jiddupplikaw ċerti ftehimiet konklużi bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika, bħall-ftehim dwar id-data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR). Minħabba l-ħidma attwali dwar il-pakkett PNR u negozjati ġodda possibbli, dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ li jiġu ċċarati b'urġenza.
Il-Kummissjoni tista’ tikkjarifika l-punti li ġejjin:
liema Stati Membri kkonkludew MoU bilaterali s'issa?
Liema minn dawn l-MoUs jinkludu t-trasferiment ta' data PNR?
Dawn il-ftehimiet bilaterali dwar il-PNR x'relazzjoni għandhom mal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika?
Tista' tikkonferma li dawn jikkonċernaw t-trasferiment ta' data PNR dwar titjiriet u passiġġieri Ewropej li jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet li mhumiex fl-Istati Uniti?
Tista' tindika liema kategoriji ta' data huma koperti minn dawn l-MoUs?
Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jintalbu jittrasferixxu data nazzjonali li tkun ukoll parti minn bazijiet ta' data Ewropej (bħall-Prüm)?
Il-Kummissjoni tqis li trasferimenti ta' data bħal dawn huma konformi mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data?
Imressqa: 13.10.2010
Mgħoddija: 15.10.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 22.10.2010