It-trażmissjoni ta' informazzjoni dwar l-ispiża tal-eżami tal-applikazzjonijiet ta' dawk li jfittxu l-ażil fl-Istati Membri
28.10.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0176/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Monika Hohlmeier, Simon Busuttil
f'isem il-Grupp PPE
Ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85/KE 1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi fuq proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat (COM(2010)0465) ġie ppreżentat fit-8 ta' Settembru 2010. Dan ir-rapport jistabbilixxi b'mod ċar il-bżonn għal tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2005/85/KE. Tabilħaqq, hemm differenza kbira fil-proċeduri implimentati mill-Istati Membri, ħaġa li twassal għal riżultati diverġenti ħafna fir-rigward tal-kwalità tal-akkoljenza ta' dawk li jfittxu l-ażil.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-antiċipazzjoni tista' tagħmilha possibbli li ssir identifikazzjoni aktar f'waqtha ta' dawk li jikkwalifikaw jew li ma jikkwalifikawx għall-ażil, ħaġa li twassal għal iffrankar sinifikanti. Waqt laqgħa teknika fid-29 ta' Settembru 2010, madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li hija ma kellhiex informazzjoni konkreta mill-Istati Membri dwar l-ispejjeż finanzjarji (interpreti, assistenza legali, eċċ) tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-2005. Madankollu, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni dwar dawn l-ispejjeż sabiex tiġi ġġenerata evalwazzjoni affidabbli u preċiża dwar l-iffrankar jew l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw fiż-żmien twil.
Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri għal informazzjoni dwar l-ispejjeż mistennija tal-intoduzzjoni ta' assistenza legali b'xejn fl-ewwel istanza?
Se tintrabat li tipprovdi lill-Parlament studju komparattiv dwar is-suġġett?
Imressqa: 28.10.2010
Mgħoddija: 1.11.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 8.11.2010