Preokkupazzjonijiet rigward l-applikazzjoni korretta tal-iskema tal-UE ta' liberalizzazzjoni tal-viża fis-Serbja u f'Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
10.11.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0181/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Simon Busuttil, Manfred Weber, Anna Maria Corazza Bildt, Monika Hohlmeier
f'isem il-Grupp PPE
Il-Kunsill iddeċieda li jippermetti l-ivvjaġġar mingħajr l-obbligu ta' viża lejn iż-żona ta' Schengen u fiż-żona kollha liċ-ċittadini ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja. Dan għamlu billi adotta emendi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. L-eżenzjoni mill-obbligu ta' viża bdiet tapplika mid-19 ta' Diċembru 2009 għad-detenturi ta' passaporti bijometriċi.
Il-Kummissjoni (COM(2009)0366) kienet ikkonkludiet li Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja lkoll issodisfaw il-benchmarks sad-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u l-Parlament Ewropew (P7_TA(2009)0062) kien ivvota favur l-għoti ta' permess għal skema mingħajr l-obbligu ta' viża fit-12 ta' Novembru 2009.
Reċnetement ġew espressi preokkupazzjonijiet fil-Belġju, fil-Ġermanja u fl-Isvezja, filwaqt li l-Kummissarju Cecilia Malmström ukoll għaddiet kummenti simili, dwar l-għadd akbar ta' talbiet għall-asil minn ċittadini Serbi u ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u dwar il-possibilità li din is-sitwazzjoni tipperikola l-iskema tal-UE ta' liberalizzazzjoni tal-viża li ddaħħlet fl-2009.
Il-Kummissjoni tqis li ta' min tintervjeni biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli tas-Serbja u ta' Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jaffrontaw is-sitwazzjoni attwali, jinfurmaw sew liċ-ċittadini tagħhom biex jiġi evitat l-użu ħażin tal-iskema ta' liberalizzazzjoni tal-viża u biex jiġi stabbilizzat l-għadd ta' persuni li jitolbu l-asil?
Imressqa: 10.11.2010
Mgħoddija: 12.11.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 19.11.2010