Is-sikurezza tal-ġugarelli
25.11.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0195/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Andreas Schwab, Anja Weisgerber, Marianne Thyssen, Anna Maria Corazza Bildt
f'isem il-Grupp PPE
Evelyne Gebhardt, Christel Schaldemose, Anna Hedh, Barbara Weiler
f'isem il-Grupp S&D
Cristian Silviu Buşoi, Jürgen Creutzmann, Antonyia Parvanova, Nadja Hirsch
f'isem il-Grupp ALDE
Heide Rühle
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Malcolm Harbour
f'isem il-Grupp ECR
Fl-1 ta' Lulju 2010 l-Kumitat Xjentifiku dwar is-Saħħa u r-Riskji Ambjentali (SCHER) ippubblika opinjoni xjentifika dwar 'l-Evalwazzjoni tal-limiti migratorji għal elementi kimiċi preżenti fil-ġugarelli', li tevalwa l-metodi li jintużaw fid-Direttiva 2009/48/KE biex jirregolaw ir-riskju minn sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi, jew tossiċi għar-riproduzzjoni. Il-kumitat, minn naħa, jirrakkomanda li s-sikurezza tal-ġugarelli għandha tkun ibbażata fuq il-limiti migratorji, iżda, min-naħa l-oħra, jiġdbed l-attenzjoni għall-fatt li l-metodu preskritt għall-kejl tal-migrazzjoni ta' elementi kimiċi (EN 71-3 (Standard)) mhuwiex affidabbli.
Il-Parlament diġà talab lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwestjoni fil-passat, iżda mingħajr ebda riżultat. Tqajjem ukoll tħassib ġenerali fir-rigward tal-limiti għal sustanzi ta' ħsara fil-ġugarelli, bħalma huma l-Idrokarburi Aromatiċi Poliċikliċi (PAH), minkejja l-fatt li d-Direttiva 2009/48/KE hija kkunsidrata bħala waħda mill-aktar liġijiet stretti fid-dinja fil-qasam tas-sikurezza tal-ġugarelli. L-aħħar rapporti RAPEX dwar it-teħid lura ta' ġugarelli mhux sikuri jqanqlu tħassib ukoll fir-rigward tas-sorveljanza tas-suq tal-ġugarelli.
1. Il-Kummissjoni taqbel mal-opinijoni tal-SCHER li l-metodu għall-kejl tal-migrazzjoni ta' elementi kimiċi, mhuwiex affidabbli? Jekk iva, x'inhuma l-passi li l-Kummissjoni bi ħsiebha tieħu biex issolvi din il-kwestjoni.
2. Il-Kummissjoni x'tip ta' inizjattivi ħadet diġà, jew biħsiebha tieħu fil-ġejjieni, biex tiżgura sorveljanza aħjar tas-suq tal-ġugarelli, partikolarment fir-rigward tal-prodotti importati?
3. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-approċċ dwar il-limiti ta' migrazzjoni għandu jiġi estiż biex ikopri sustanzi perikolużi oħra preżenti fil-ġugarelli, bħalma huma l-komposti PAH, minflok jintuża l-approċċ tal-limiti kwantitattivi?
4. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana biex tirrivedi l-lista ta' sustanzi ristretti u l-kwantitajiet tagħhom li jistgħu jintużaw fil-ġugarelli, biex titqies l-aħħar dejta xjentifika disponibbli?
5. Il-Kummissjoni lesta li tinvestiga l-ħruġ ta' ġugarelli għat-tfal li għandhom aktar minn 3 snin rigward ir-riskji ta' sikurezza li joħolqu jekk jintużaw minn tfal iżgħar minn 3 snin?
6. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-elementi kimiċi kklassifikati bħala CMR, kategoriji 1A u 1B, skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Klassifikazzjoni, it-Tikkettar u l-Imballaġġ, ma għandhomx ikunu preżenti fil-ġugarelli?
7. X'se jkun eżattament il-kalendarju tal-proċedimenti tal-Kummissjoni?
Imressqa: 25.11.2010
Mgħoddija: 29.11.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 6.12.2010