Tuberculosis Vaccine Initiative (TBVI) - implimentazzjoni prattika tal-istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju nru 6 sal-2015
3.12.2010
Mistoqsija għal tweġiba orali O-0203/2010
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Louis Michel, Charles Goerens, Antonyia Parvanova, Frédérique Ries, Olle Schmidt
f'isem il-Grupp ALDE
Maria Da Graça Carvalho, Nessa Childers, Marc Tarabella, Bart Staes, Marina Yannakoudakis
L-UE u l-Istati Membri tagħha investew ħafna (permezz tal-ħames, is-sitt u s-seba' Programm Kwadru) fir-riċerka u fl-innovazzjoni mmirati għall-iżvilupp ta' vaċċini kontra t-tuberkulożi.
It-Tuberculosis Vaccine Initiative (TBVI) hija sħubija li tiġbor fiha aktar minn 40 ċentru ta' riċerka Ewropej u hija kapaċi tbiddel ir-riżultati ta' xogħolha f'vaċċini li jistgħu jissodisfaw id-domanda urġenti fuq livell dinji.
Tabilħaqq, ħames snin qabel l-iskadenza biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), l-inċidenza tat-tuberkulożi madwar id-dinja għadha toħloq inkwiet. Huwa biss programm ta' vaċċinazzjoni li jinvolvi kampanji ta' vaċċinazzjoni fuq skala kbira li se jħalli impatt pożittiv.
Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġu intensifikati l-finanzjamenti internazzjonali bbażati fuq metodi eżistenti. Billi l-finanzjamenti pubbliċi ma għadhomx biżżejjed biex jissodisfaw l-eżiġenzi u jilqgħu l-isfidi li ġejjin mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, għandhom jiġu eżaminati b'urġenza mezzi alternattivi u innovattivi ta' finanzjament.
Jista' jkun possibbli li x-xogħol tagħna relatat mar-R&Ż jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' min qiegħed ibati mit-tuberkulożi fid-dinja – partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati – permezz tal-mudell TBVI attwali (imwaqqaf fuq talba tal-Kummissjoni), u li dan il-proġett jifforma parti mill-implimentazzjoni prattika tal-istrateġija UE 2020? Sussegwentement dan se jsaħħaħ ir-rwol u l-gwida tal-UE f'dawk il-pajjiżi.
Imressqa: 3.12.2010
Mgħoddija: 7.12.2010
L-iskadenza għat-tweġiba: 14.12.2010