Baroness Sarah Ludford, Renate Weber, Stanimir Ilchev, Nadja Hirsch, Jan Mulder, Nathalie Griesbeck, Sonia Alfano, Cecilia Wikström, Louis Michel, Jens Rohde, Sophia in 't Veld
f'isem il-Grupp ALDE
Suġġett:Ir-reazzjonijiet tal-Istati Membri għall-flussi tal-migrazzjoni u l-impatt tagħhom fuq Schengen
Il-ġimgħa li għaddiet Franza istitwiet kontrolli mal-fruntiera ħdejn il-belt Taljana ta’ Ventimiglia, wara li l-gvern Taljan iffirma digriet li jippermetti lill-awtoritajiet joħorġu permessi ta’ residenza temporanja għal 25,800 migrant Tuneżin li waslu Lampedusa mill-waqgħa tar-reġim ’l hawn.
It-tilwima dwar il-migrazzjoni bejn Franza u l-Italja, flimkien man-nuqqas ta’ solidarjetà tal-UE mal-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem fil-linja ta’ flussi ta’ migrazzjoni għandhom konsegwenzi li qed jagħmlu ħsara lis-sistema ta’ Schengen. It-tentazzjoni li wieħed jagħlaq il-fruntieri jew li jaħrab mis-sitwazzjoni tal-Istati Membri effettwati direttament mill-flussi ta’ migrazzjoni huma reazzjonijiet ta’ “rifless”.
Soluzzjonijiet fuq żmien twil u komprensivi la huma sempliċi u lanqas univoċi. Dawn jinsabu f’kontroll responsabbli, effiċjenti u kkoordinat tal-fruntieri esterni tal-UE, flimkien ma’ sistema ta’ ażil koerenti tal-UE li tirrikonoxxi l-interdipendenza.Dak li ġara huwa prova tal-fatt li wasal iż-żmien kemm għar-responsabilità kif ukoll għas-solidarjetà. Dan jinkludi politika konumi dwar l-ażil bi proċeduri komuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.
Għalhekk,
–il-Kummissjoni tista’ tindika jekk il-kontrolli mal-fruntieri bejn Franza u l-Italja ħdejn Ventimiglia humiex ġustifikati?
–il-Kummissjoni tista’ tindika jekk il-permessi ta’ residenza temporanja maħruġa mill-Italja humiex f’konformità mar-regoli ta’ Schengen u jekk fil-fatt jippermettux ċirkolazzjoni libera fiż-żona Schengen?