Il-Mandat ta' Arrest Ewropew
12.5.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000121/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Claude Moraes, Birgit Sippel
f'isem il-Grupp S&D
Il-Mandat ta' Arrest Ewropew irriżulta strument effettiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transkonfinali. Madankollu, il-fama tiegħu qed tiċċappas minħabba rapporti li qed jintuża għall-interrogatorji minflok għall-prosekuzzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi kif ukoll għar-reati minuri mingħajr ma jiġi vvalutat sew jekk il-konsenja kinitx proporzjonata, minkejja l-kost uman u finanzjarju involut (madwar EUR 25 000 għal kull proċedura ta' konsenja).
Barra minn hekk, deċiżjoni li ma jiġix eżegwit Mandat ta' Arrest Ewropew mhux dejjem hija rrispettata mill-Istati Membru li ħarġu, u b'hekk persuna tiġi arrestata mill-ġdid ladarba taqsam il-fruntiera.
Barra dan, m'hemmx strumenti għal rappreżentanza legali adegwata għal persuni li huma s-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew kemm fl-Istat Membru li joħrog il-mandat kif ukoll fl-Istat Membru li jeżegwixxih. Fl-aħħarnett, sfortunatament, il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet f'ħafna Stati Membri tal-UE tant huma ħżiena li jippreġudikaw b'mod gravi l-fiduċja ta’ trattament adegwat tal-ħabsin, li fuqha huma bbażati l-Mandat ta' Arrest Ewropew u d-deċiżjoni qafas dwar it-trasferiment ta' persuni kkundanati li se tiġi implimentata dalwaqt.
Il-Kunsill b'liema mod se jiggarantixxi li l-użu sporporzjonat tal-Mandat ta' Arrest Ewropew se jintemm minnufih kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika?
Il-Kunsill kif se jiżgura li l-persuni li huma s-suġġett ta' Mandat ta' Arrest Ewropew jkollhom effettivament id-dritt li jikkontestawh kemm fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat kif ukoll fl-Istat Membru li jeżegwixxih, u li deċiżjoni li ma jiġix eżegwit Mandat ta' Arrest Ewropew twassal għat-tneħħija tas-sinjalazzjoni Schengen?
Il-Kunsill kif se jiżgura li l-istandards ġudizzjarji penali fl-Unjoni Ewropea u l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet jittejbu qabel ma jintervjenu l-qrati u jwaqqfu trasferimenti ulterjuri minħabba l-possibbiltà ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna?
Imressqa: 12.5.2011
Mgħoddija: 13.5.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 3.6.2011