Mandat ta' Arrest Ewropew
20.5.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000129/2011
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Cornelis de Jong, Søren Bo Søndergaard, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat, Rui Tavares, Kyriacos Triantaphyllides
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat r-rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew (COM(2011)0175), li fih ġibded l-attenzjoni għal serje ta' nuqqasijiet persistenti dwar l-applikazzjoni tal-MAW Pereżempju, il-kwestjoni dwar l-użu tal-MAW għal offiżi minuri mingħajr kunsiderazzjoni serja dwar jekk il-konsenja hijiex proporzjonali, minkejja li l-ispejjeż umani u finanzjarji involuti (li huma stmati għal EUR 25 000 għal kull proċedura ta' konsenja), u l-kwestjoni dwar kundizzjonijiet ta' detenzjoni inaċċettabbli li jistgħu jirriżultaw fi trattament degradanti jew inuman u b'hekk jikkostitwixxu ksur tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 3) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 4) u jipperikolaw serjament il-fiduċja fit-trattament adegwat tal-prinġunieri li fuqu huwa bbażat l-Mandat ta' Arrest Ewropew.
– Il-Kummissjoni taqbel li l-proporzjonalità għandha tkun kunsiderazzjoni ewlenija għal kull kwestjoni dwar il-MAW u li l-istat ta' esekuzzjoni jista' jirrifjuta li jesegwixxi MAW jekk juri li t-test ta' proporzjonalità ma ġiex sodisfatt, pereżempju fil-każ ta' offiżi minuri ħafna kif definiti mil-liġi nazzjonali? Il-Kummissjoni biħsiebha tikkjarifika u tippromwovi linjigwaida dwar il-kontroll tal-proporzjonalità tal-MAW, b'konformità mal-Manwal tal-Kunsill?
– Il-Kummissjoni kif se tiżgura li l-persuni mfitxxija taħt il-Mandat ta' Arrest Ewropew se jkollhom id-dritt effettiv li ma jaċċettawx Mandat ta' Arrest Ewropew kemm fl-istat ta' ħruġ kif ukoll ta' esekuzzjoni u li deċiżjoni biex ma tiġix esegwita Mandat ta' Arrest Ewropew twassal għal tneħħija ta' twissija Schengen?
– Il-Kummissjoni taqbel li kundizzjonijiet inaċċettabbli ġewwa l-ħabsijiet jagħmluha impossibbli li jkun hemm il-fiduċja reċiproka meħtieġa fl-istandards tal-ġustizzja kriminali ta' xulxin, u taqbel li jekk il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet tal-Unjoni Ewropea ma jitjibux, il-qrati għandhom bażi ta' rifjut de facto biex jimblukkaw l-esekuzzjoni tal-MAW sabiex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-persuna.
Imressqa: 20.5.2011
Mgħoddija: 24.5.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 31.5.2011