Mistoqsija Parlamentari - O-000135/2011Mistoqsija Parlamentari
O-000135/2011

Approċċ komprensiv lejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 rilevanti għall-klima

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000135/2011
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Jo Leinen, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel

Proċedura : 2011/2726(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000135/2011
Testi mressqa :
O-000135/2011 (B7-0418/2011)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fi sforz biex jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, il-politika Ewropea dwar il-klima hija ffokata fuq medda twila ta’ żmien fuq it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2. Id-data xjentifika tagħti prova li l-politika tagħna hija nieqsa ħafna minn approċċ komprensiv lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 rilevanti għall-klima, jiġifieri l-idrofluworokarbonju (HFCs), il-karbonju iswed u l-gassijiet li jniġġsu li lkoll iwasslu għall-formazzjoni ta’ ożonu troposferiku (il-parti l-baxxa tal-atmosfera). L-istess data turi li huwa importanti li nikkompletaw l-isforzi tagħna kontra l-bidla fil-klima, billi nindirizzaw b’mod sod u f’waqtu s-sustanzi li jniġġsu mhux tas-CO2 filwaqt li nieħdu vantaġġ mit-teknoloġiji u l-istituzzjonijiet eżistenti (bħall-Protokoll ta’ Montreal, il-ftehimiet bilaterali, eċċ.). Dan jista’ jsir fir-rigward ta’ ċerti HFCs bi prezz pubbliku baxx li jvarja bejn 5 u 10 ċenteżmi għal kull tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-karbonju huwa iktar minn EUR 13 għal kull tunnellata. L-alternattivi politiċi rilevanti jinkludu:

(a) It-tnaqqis gradwali fil-produzzjoni u l-konsum tal-HFCs li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għat-tisħin globali, biex tiġi aċċellerata t-tneħħija gradwali tal-idroklorofluworokarbonju (HCFCs) u jiġu rkuprati u jinqerdu gassijiet stratosferiċi b’effett ta’ serra (GHGs) li jagħmlu ħsara lill-ożonu u li joriġinaw minn apparat u prodotti mormija;

(b) It-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju iswed, bi prijorità lill-emissjonijiet li jaffettwaw reġjuni ta’ borra u silġ, inklużi l-Artiku, il-Groenlandja u l-ġlaċieri ta’ bejn il-Himalayas u t-Tibet; 

(c) It-tnaqqis fil-gassijiet li jniġġsu u li jwasslu għall-formazzjoni tal-ożonu troposferiku, li huwa GHG sinifikanti.

X’inhi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija msemmija hawn fuq?  Il-Kummissjoni biħsiebha tikkompleta kif xieraq il-politika tagħha għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima?  Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta leġiżlattiva fir-rigward tal-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 rilevanti għall-klima?  Il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel analiżi tal-ispejjeż dwar it-tnaqqis f’dawn l-emissjonijiet antropoġeniċi mhux tas-CO2 rilevanti għall-klima?

Il-Kummissjoni hija lesta tippromwovi immedjatament tnaqqis gradwali fil-produzzjoni u l-konsum ta’ HFCs fil-livell internazzjonali permezz tal-Protokoll ta’ Montreal, iktar milli permezz tal-mekkaniżmi flessibbli bħala parti mill-Protokoll ta’ Kjoto, biex tilħaq aħjar l-objettivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima?

Imressqa: 26.5.2011

Mgħoddija: 30.5.2011

L-iskadenza għat-tweġiba: 6.6.2011