Il-qagħda attwali tan-negozjati mal-Awstralja, l-Istati Uniti u l-Kanada dwar l-użu u t-trasferiment ta' dejta tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR)
24.6.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000164/2011
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Timothy Kirkhope
f'isem il-Grupp ECR
1. Il-Kummissjoni tista' tiċċara fid-dettall l-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-ftehim bejn l-UE u l-Awstralja dwar il-PNR mad-drittijiet fundamentali u l-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll mal-kriterji ddikjarati fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew P7_TA(2010)0144 u P7_TA(2010)0397? Il-Kummissjoni tista' tispjega b'mod partikulari kif stabbiliet li l-ġbir u l-użu tal-PNR jissodisfaw ir-rekwiżiti legali ta' ħtieġa u proporzjonalità?
2. Il-Kummissjoni tista' tiċċara kif, fil-kuntest tal-Artikolu 218 tat-TFUE, biħsiebha timplimenta l-Artikoli 23 u 25 tal-ftehim bejn l-UE u l-Awstralja (dwar ir-riżoluzzjoni, is-sospensjoni u t-terminazzjoni tat-tilwim) f'każ li l-Parlament Ewropew, b'votazzjoni b'maġġoranza assoluta, jitlob l-applikazzjoni ta' dawk l-Artikoli?
3. Ġaladarba t-trasferiment tal-PNR permezz tal-linji tal-ajru hu rekwiżit tal-liġi Awstraljana, l-għan tal-ftehim bejn l-UE u l-Awstralja hu esklussivament biex jiżgura li t-trasferiment tad-dejta jsir f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta tal-UE. Il-Kummissjoni taqbel li l-Artikolu 16 tat-TFUE hu bażi legali adegwata għad-deċiżjoni tal-Kunsill?
4. Ġaladarba d-definizzjoni miftiehma b'mod uniformi dwar il-profiling, ibbażata wkoll fuq dokumenti internazzjonali li qegħdin fis-seħħ, tista' tgħin tivvaluta r-rabta bejn il-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta tal-PNR u l-attivitajiet tal-profiling, il-Kummissjoni taqbel li taħdem fuq definizzjoni bħal din?
5. Fl-istennija tar-riżultat ta' negozjati ulterjuri mal-Istati Uniti u mal-Kanada, il-Kummissjoni tista' tipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji ġenerali biex tiżgura l-ħarsien tal-prinċipji ta' ħtieġa u ta' proporzjonalità, b'mod partikulari rigward l-ambitu u l-perjodi taż-żamma? Il-Kummissjoni tista' tagħti stampa sħiħa tal-ftehimiet bilaterali possibbli bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri li fihom referenza għat-trasferiment tal-PNR? Il-Kummissjoni tista' tiċċara l-leġiżlazzjoni li jmiss li tipprevedi t-trasferiment sistematiku tal-PNR mill-Kanada għall-Istati Uniti?
6. Il-Kummissjoni tista' tiċċara r-relazzjoni bejn il-programm Secure Flight tal-Istati Uniti u l-ġbir tad-dejta tal-PNR?
7. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-frekwenza tal-PULLs ad hoc mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti mis-sistemi tal-linji tal-ajru li diġà qed jużaw il-metodu PUSH hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim eżistenti mal-Istati Uniti?
8. Għadhom għaddejjin negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti? X' konklużjonijiet qiegħda tistenna l-Kummissjoni mill-opinjoni legali tas-servizz legali tagħha?
Imressqa: 24.6.2011
Mgħoddija: 28.6.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 5.7.2011