Is-Semestru Ewropew 2011 - L-ewwel Lezzjonijiet
29.9.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000219/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sharon Bowles, Pervenche Berès
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
L-ewwel eżerċizzju tas-Semestru Ewropew wassal għall-ħruġ ta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż adottati mill-Kummissjoni f'Ġunju u kellu l-għan li jipprovdi gwida ex ante lill-Istati Membri dwar l-objettivi fiskali u strutturali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew approvati mill-Kunsill f'Lulju wara li saru xi modifiki. Bħala parti mir-rwol tal-Parlament li jiżgura trasparenza u responsabilizzazzjoni massimi fil-livell tal-Unjoni, il-Parlament Ewropew jinsab ħerqan li jrawwem dibattitu dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll, b'mod aktar ġenerali, dwar ir-riżultat tal-ewwel parti tas-Semestru Ewropew b'mod ġenerali.
- Il-Kunsill kif jevalwa l-ewwel Semestru Ewropew sħiħ? Laħaq l-aspettattivi rigward il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u makroekonomiċi?
- Liema huma l-pjanijiet konkreti tiegħek għat-titjib taċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew fl-2012?
- Kien hemm kompromessi bejn ir-rakkomandazzjonijiet makroekonomiċi u fiskali?
- Kif tivvaluta l-interazzjoni legali bejn iż-żewġ għodod ta' natura differenti, jiġifieri l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) u l-Programmi ta' Stabilità u Konverġenza?
- Kif tivvaluta l-interazzjoni bejn is-Semestru Ewropew u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika u Linji Gwida dwar l-Impjiegi ?
- Taħseb li l-bidliet tal-Kunsill lir-rakkomandazzjonijiet saru b'mod trasparenti? Taħseb li hemm lok għal titjib f'dan ir-rigward fis-snin li ġejjin? Il-Kunsill huwa lest li jsaħħaħ it-trasparenza tal-preżentazzjoni tal-websajt tar-rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma , il-Programmi ta' Stabilità u Konverġenza u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika, u tal-valutazzjoni tagħhom?
- Kif tivvaluta l-impenn tal-Istati Membri lejn is-Semestru Ewropew u l-proprjetà tiegħu, kif ukoll lejn il-leġittimità demokratika tiegħu permezz tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew?
- Is-Semestru Ewropew kif se jgħin fl-implimentazzjoni u l-infurzar tad-direttiva l-ġdida tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri?
Imressqa: 29.9.2011
Mgħoddija: 30.9.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 21.10.2011