Żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel
6.10.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000239/2011
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Maria do Céu Patrão Neves
f'isem il-Grupp PPE
Luis Manuel Capoulas Santos
f'isem il-Grupp S&D
James Nicholson
f'isem il-Grupp ECR
F’dan iż-żmien, il-parti l-kbira tal-bdiewa u tal-impriżi agrikoli qed iħabbtu wiċċhom ma żjidiet li ma jifilħux għalihom fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u dawn l-ispejjeż żejda mhumiex qed ikunu kkumpensati permezz tal-prezzijiet imħallsa lill-bdiewa mix-xerrejja tal-prodotti agrikoli, partikolarment il-kumpaniji tad-distribuzzjoni fuq skala wiesgħa. Dan jhedded is-sopravvivenza ta’ bosta farms, għandu implikazzjonijiet serji għall-katina tal-provvista tal-ikel fl-UE u se jkompli jgħarraq il-problema tal-bilanċi kummerċjali, bil-ħtieġa ta’ aktar importazzjoni u dipendenza fuq swieq barranin instabbli.
Is-setgħa dejjem tikber ta’ gruppi kbar tal-bejgħ lill-konsumatur hija perċepita li twassal għal anqas marġni ta’ negozjar għall-produtturi, bir-riżultat li l-produtturi tal-materja prima agrikola jitħallsu prezzijiet baxxi filwaqt li l-konsumaturi jħallsu prezzijiet għolja għall-oġġetti tal-ikel.
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni x’azzjoni biħsiebha tieħu rigward l-isfidi ewlenin li ġejjin?
- Il-ħtieġa li tiżgura l-ekwità fir-relazzjonijiet bejn id-distributuri u l-fornituri.
- Il-ħtieġa li tindirizza abbużi fil-katina tal-provvista tal-ikel.
- Il-ħtieġa li twettaq analiżi adegwata u tagħmel disponibbli informazzjoni affidabbli dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-UE kollha kemm hi, biex tiżgura t-trasparenza.
Imressqa: 6.10.2011
Mgħoddija: 10.10.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 17.10.2011