Il-miżuri tal-UE dwar ir-Rom
10.10.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000242/2011
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Patrick Le Hyaric, Mikael Gustafsson, Miguel Portas
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali tar-Rom ġie ppreżentat f'April 2011, milqugħ fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill f'Mejju u approvat mill-Kunsill Ewropew fl-24 ta' Ġunju. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali tal-integrazzjoni tar-Rom b'mod parallel mal-miri tal-UE 2020 u jissottomettuhom lill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2011. Għalkemm il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali dwar ir-Rom huwa l-aktar dokument avvanzat imfassal mill-Kummissjoni rigward it-titjib tal-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom Ewropej, li huma bejn 10 u 12-il miljun, dan huwa nieqes minn miri antidiskriminatorji u miżuri biex jindirizzaw l-atteġġjament kontra ż-żingari li issa huma meħtieġa aktar minn qatt qabel. Qed inkomplu nkunu xhieda ta' sentiment kontra r-Rom (antiżingariżmu) u livelli ogħla ta' vjolenza fiżika fir-rigward tar-Rom, kif ġara reċentement f'numru ta' Stati Membri tal-UE. Gruppi razzisti, persuni li ġeneralment jikkommettu vjolenza marbuta mal-futbol, neo-Nażisti u gruppi tal-lemin estrem huma ta' spiss identifikati bħala l-ħatja ta' attakki razzisti kontra r-Rom u l-viċinati tagħhom.
X'miżuri qed tieħu l-Kummissjoni biex tiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet tar-Rom bħala ċittadini Ewropej? X'passi ttieħdu mill-Kummissjoni biex issir pressjoni fuq il-gvernijiet sabiex jaġixxu b'qawwa biżżejjed kontra kull forma ta' vjolenza kontra r-Rom u fir-rispett tal-istat tad-dritt meta r-Rom ikunu fir-rwol ta' vittmi? X'inhi tagħmel il-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE fil-proċess tal-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar ir-Rom? X'valur tagħti l-Kummissjoni lill-fehmiet tar-Rom fir-rigward ta' politiki relatati magħhom, hekk kif ninnutaw li l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tar-Rom hija skarsa waqt laqgħat tal-Pjattaforma tal-UE? X'azzjoni ttieħdet biex jingħelbu l-inċidenzi ta' politiki kontra r-Rom bħal dawk tal-espulsjonijiet kontinwi tar-Rom? X'azzjoni se tieħu l-Kummissjoni qabel Lulju 2014 rigward id-drittijiet tar-Rom?
Imressqa: 10.10.2011
Mgħoddija: 12.10.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 19.10.2011