Il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE
17.10.2011
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000265/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Kyriacos Triantaphyllides, Cornelis de Jong, Miguel Portas
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Bħala reazzjoni għat-talba espliċita tal-Kunsill, il-Kummissjoni reċentement ippubblikat Green Paper dwar id-detenzjoni bit-titolu: "it-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea - Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni". Din il-komunikazzjoni:
tenfasizza r-rabtiet bejn il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u d-diversi strumenti tal-UE, bħall-Mandat ta' Arrest Ewropew,
turi b'mod ċar kif l-arrest preventiv, is-sitwazzjoni tat-tfal u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kompetenzi tal-UE, kif ukoll
tniedi konsultazzjoni miftuħa għall-partijiet interessati kollha biex tidentifika kif l-azzjonijiet tal-UE jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istati Membri u b'hekk jikkontribwixxu għat-trawwim ta' fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni ġudizzjarja.
Barra minn hekk, l-Anness għall-Komunikazzjoni juri b'mod ċar id-diversi kundizzjonijiet ta' detenzjoni inkwetanti fl-Istati Membri, b'mod speċjali fir-rigward tan-numru ta' persuni miżmuma f'arrest preventiv, l-iffullar fil-ħabsijiet, ir-rata tal-popolazzjoni fil-ħabsijiet kif ukoll ir-rata ta' detenzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.
Bħala segwitu għal din il-Komunikazzjoni, u waqt li jżomm f'moħħu li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ukoll ikkundannat ripetutament lill-Istati Membri tal-UE għall-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u t-tul taż-żmien tal-arrest preventiv u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, x'passi konkreti se jieħu l-Kunsill fil-livell tal-UE biex jiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuni detenuti fil-ħabsijiet ikunu rrispettati u li se jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istati Membri?
X'se jagħmel il-Kunsill rigward l-abbuż tal-arrest preventiv, l-iffullar u r-rati għoljin ta' popolazzjoni fil-ħabsijiet u r-rati ta' detenzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi? Se jeżamina l-impatt tal-liġijiet u l-politiki kriminali dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet, bħar-rikors għal miżuri alternattivi, kriminalizzazzjoni tal-migranti irregolari, miżuri straordinarji sabiex jiżgura li d-drittijiet fundamentali jkunu rrispettati, eċċ?
Imressqa: 17.10.2011
Mgħoddija: 18.10.2011
L-iskadenza għat-tweġiba: 8.11.2011