Mistoqsija Parlamentari - O-000296/2011Mistoqsija Parlamentari
O-000296/2011

Il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000296/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Birgit Sippel, Claude Moraes, Carmen Romero López, Sylvie Guillaume, Tanja Fajon, Roberto Gualtieri, Rita Borsellino
f'isem il-Grupp S&D

Proċedura : 2011/2897(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000296/2011
Testi mressqa :
O-000296/2011 (B7-0666/2011)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Wara talba mill-Kunsill fil-qafas tal-Programm ta' Stokkolma u bosta talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni reċentement ħarġet Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-ġustizzja kriminali tal-UE fil-qasam tad-detenzjoni.

Id-dokument iniedi eżerċizzju ta' konsultazzjoni miftuħa għall-partijiet interessati dwar l-azzjonijiet tal-UE għat-titjib fil-kundizzjonijiet ta' detenzjoni sabiex tkun żgurata l-fiduċja reċiproka fil-kooperazzjoni ġudizzjarja. Jindirizza kwistjonijiet kritiċi bħalma huma l-impatt ta’ standards differenti tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fuq l-applikazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tal-UE, bħalma huma l-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja. Jindirizza wkoll ir-rwol li jista' jkollha azzjoni tal-UE f’oqsma bħalma huma l-arrest preventiv, il-miżuri alternattivi u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tat-tfal, sabiex jitjieb l-impatt fuq il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fl-Ewropa.

L-Anness tal-Green Paper jenfasizza numru ta' problemi marbutin mas-sitwazzjoni varjata ħafna fl-Istati Membri rigward l-għadd ta’ detenuti li jinsabu taħt arrest preventiv, l-iffullar fil-ħabsijiet, u r-rata tal-popolazzjoni fil-ħabsjiet, inklużi r-rati ta' detenzjoni tat-tfal u tal-persuni li mhumiex ċittadini fil-pajjiż rispettiv. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat ripetutament lil Stati Membri tal-UE fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, it-tul taż-żmien tal-arrest preventiv u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, fosthom fuq il-bażi tar-rapporti tal-Kumitat tal-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa.

Il-Kunsill kif biħsiebu jindirizza l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tal-UE rigward id-detenuti kollha u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħhom, in-nuqqas tal-faċilitajiet, l-iffullar fil-ħabsijiet, l-użu ħażin u l-abbuż ta' miżuri alternattivi, u l-perjodi twal ta' arresti preventivi, li kienu sikwit is-suġġett tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?  Il-Kunsill kif qed jaħseb li jindirizza l-kwistjonijiet rigward il-kompetenza tal-UE li għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u d-drittjiet fundamentali tad-detenuti, bħalma huma l-abbuż tal-arrest preventiv u l-promozzjoni tal-użu ta' miżuri alternattivi? Il-Kunsill kif biħsiebu jindirizza l-kwistjoni tal-impatt li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni għandhom fuq l-applikazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tal-UE għal kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, bħalma huma l-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja?

X'se jagħmel il-Kunsill biex jiżgura segwitu xieraq għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea?

Imressqa: 9.11.2011

Mgħoddija: 10.11.2011

L-iskadenza għat-tweġiba: 1.12.2011