Mistoqsija Parlamentari - O-000327/2011Mistoqsija Parlamentari
O-000327/2011

Nilqgħu b'mod effikaċi l-isfida tal-piraterija marittima

15.12.2011

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000327/2011
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Brian Simpson
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Il-Parlament Ewropew indirizza l-problema tal-piraterija marittima fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 u rrakkomanda soluzzjoni politika għall-problema tal-piraterija lil hinn mill-kosta Somala. Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-theddida tal-piraterija fl-Oċean Indjan żdiedet b’mod rapidu, b’mod li saret periklu għall-istabilità reġjonali, għall-kummerċ dinji u għall-forom kollha ta’ trasport u navigazzjoni, inklużi l-bastimenti tas-sajd.

F’dan il-kuntest, jista’ l-Kunsill iwieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin:

  1. X’miżuri ttieħdu jew qed jiġu ppjanati:

  biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-problema li huma bbażati fuq l-art fil-pajjiżi tal-oriġini tal-piraterija,

  biex jiġi żgurat il-ħelsien tal-450-600 baħħara attwalment miżmuma ostaġġ minn pirati,

  biex jiġi żviluppat approċċ armonizzat tal-UE għall-kwistjoni tal-użu ta’ personal armat iċċertifikat abbord il-bastimenti?

  1. X’inhuma l-pjanijiet għall-missjoni UE-NAVFOR Atlanta, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżgurar tal-effikaċja tar-reazzjoni tal-UE għall-piraterija marittima, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh li n-numru ta’ vapuri involuti naqas minn 'il fuq minn 35 fl-2009 għal 10 biss fl-2011?
  2. X’azzjoni għandha tittieħed fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari taħt l-awspiċi tan-NU u tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-piraterija marittima?
  3. X’miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-flejjes imħallsa bħala riskatti f’kontijiet bankarji fi Stati Membri tal-UE jkunu jistgħu jiġu traċċati u kkonfiskati? Il-Kunsill kif se jikkonvinċi pajjiżi terzi jieħdu miżuri ekwivalenti biex il-flejjes imħallsa bħala riskatti f’każijiet ta’ piraterija ma jkunux jistgħu jibqgħu jitħallsu f’kontijiet bankarji f’dawk il-pajjiżi?

Imressqa: 15.12.2011

Mgħoddija: 16.12.2011

L-iskadenza għat-tweġiba: 13.1.2012