Mistoqsija Parlamentari - O-000102/2012Mistoqsija Parlamentari
O-000102/2012

  Il-privattivi ta' processi bijologici essenzjali

19.4.2012

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000102/2012
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Martin Kastler, Herbert Reul, Peter Liese, Elisabeth Jeggle, Peter Jahr, Tadeusz Zwiefka, Klaus-Heiner Lehne
f'isem il-Grupp PPE
Martin Häusling, José Bové, Margrete Auken
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Evelyne Gebhardt, Luigi Berlinguer, Sylvie Guillaume, Françoise Castex, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Evelyn Regner
f'isem il-Grupp S&D

Hemm tendenza ta' żieda fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal privattivi mressqa lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) dwar pjanti mnissla b'metodi konvenzjonali. Fl-2010, il-Bord Estiż tal-Appell tal-EPO (l-EBoA) iddeċieda li l-metodi konvenzjonali użati għat-tnissil tal-pjanti ma kinux privattivabbli (deċiżjonijiet G2/07 u G1/08). Il-każijiet dwar il-privattivi rieżaminati f'dawn id-deċiżjonijiet kienu privattiva għall-brokkoli (EP 1069819) u oħra għat-tadam (EP 1211926), it-tnejn li huma mnissla b'metodi konvenzjonali. Dawn il-privattivi talbu l-proċess tat-tnissil kif ukoll iż-żerriegħa, il-pjanti u l-partijiet li jittieklu tal-pjanti. Fid-deċiżjoni G1/08, l-EBoA ddeċieda li l-proċess mikrobijoloġiku għall-produzzjoni ta' pjanti li jkun fih jew li jkun magħmul mill-istadju tat-tilqim bejn ir-razez ta' genomi sħaħ tal-pjanti u tal-istadju sussegwenti tas-selezzjoni tal-pjanti huwa, fil-prinċipju, eskluż mill-għoti ta' privattiva minħabba li huwa proċess "essenzjalment bijoloġiku" fis-sens tal-Artikolu 53b tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (EPC) u l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 98/44/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

Madankollu, id-deċiżjoni tal-EBoA ma ssolvix il-kwistjonijiet legali kollha jew il-problemi fundamentali rigward it-tnissil konvenzjonali. Pereżempju, f'Mejju tal-2011, l-EPO tat privattiva oħra għall-bettiegħ imnissel b'metodi konvenzjonali (EP 1 962 578), li fiha l-prodotti bħall-pjanti u l-frott kienu meqjusa bħala invenzjonijiet. Barra minn hekk, f'każ partikulari ta' tnissil tal-annimali (EP 1257168), l-EPO ikkonfermat il-privattivabilità tal-proċess għas-selezzjoni tat-tnissil konvenzjonali, kif ukoll tal-materjal tat-tnissil (bħaċ-ċelloli tal-isperma).

Il-Kummissjoni taqbel:

     li l-proċessi tas-selezzjoni tal-materjal tat-tnissil u tar-riżorsi ġenetiċi (bħaċ-ċelloli tal-isperma, l-ooċiti u l-materjal tal-pjanti) m'għandhomx jingħataw privattivi meta jintużaw fi tnissil konvenzjonali?

     li l-prodotti mnissla b'metodi konvenzjonali għandhom ikunu esklużi skont l-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 98/44/KE?

     li l-proċessi użati fit-tnissil konvenzjonali tal-pjanti huma essenzjalment proċessi bijoloġiċi fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 98/44/KE u, għaldaqstant, mhumiex privattivabbli skont it-termini tal-Artikolu 4(b) tal-istess Direttiva u tal-Artikolu 28 tar-regoli implimentattivi tal-EPC?

Imressqa: 19.4.2012

Mgħoddija: 23.4.2012

L-iskadenza għat-tweġiba: 30.4.2012