Reviżjoni tal-qafas attwali dwar iż-żamma tad-data
19.6.2012
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000125/2012
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Carl Schlyter, Jan Philipp Albrecht, Eva Lichtenberger, Amelia Andersdotter, Christian Engström
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fid-dawl tar-rapport ta’ valutazzjoni tagħha dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Data (id-Direttiva 2006/24/KE) il-Kummissjoni ddikjarat fit-18 ta’ April 2011 li ser tipproponi reviżjoni tal-qafas attwali dwar iż-żamma tad-data. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni ħabbret proposta ta’ reviżjoni għall-2012.
1. Il-Kummissjoni meta ser tippreżenta din il-proposta?
2. Tista’ l-Kummissjoni tirrispondi fid-dettall għall-preokupazzjonijiet imqajma minn 34 NGO[1] u sussegwentement enfasizzati f’għadd ta’ mistoqsijiet bil-miktub minn MPE tal-Grupp Verts/Ale rigward:
– evalwazzjoni ta’ jekk il-preżenza jew nuqqas ta’ leġiżlazzjoni komprensiva dwar iż-żamma tad-data fil-prattika għandhiex impatt dimostrabbli u statistikament sinifikanti fuq il-prevalenza jew l-investigazzjoni ta’ reati serji fi Stat Membru partikolari, b’kont meħud tal-Istati Membri li ma implimentawx id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data;
– kunsiderazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem intrinsiċi għal sistema komprensiva taż-żamma tad-data, bħal telf u użu ħażin tad-data, żbalji fl-irkupru tad-data, u ksur tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet ma’ professjonisti tas-saħħa, avukati u ġurnalisti;
– kunsiderazzjoni tar-revoka ta’ din id-Direttiva jekk ma jkunx hemm provi suffiċjenti kemm rigward il-bżonn tagħha u wkoll dwar il-proporzjonalità tagħha f’soċjetà demokratika; jew mill-inqas
– kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ alternattivi għaż-żamma tad-data, bħall-konservazzjoni aċċellerata tad-data u l-ġbir immirat ta’ data dwar it-traffiku.
Imressqa: 19.6.2012
Mgħoddija: 21.6.2012
L-iskadenza għat-tweġiba: 28.6.2012
- [1] http://www.statewatch.org/news/2011/sep/eu-mand-ret-ngo-letter-to-com.pdf