Reviżjoni tal-qafas attwali dwar iż-żamma tad-data
22.6.2012
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000126/2012
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Juan Fernando López Aguilar, Sylvie Guillaume, Claude Moraes, Dimitrios Droutsas
f'isem il-Grupp S&D
Fid-dawl tar-rapport ta' valutazzjoni tagħha dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data (Direttiva 2006/24/KE) il-Kummissjoni ddikjarat, fit-18 ta' April 2011, li se tipproponi rieżami tal-qafas attwali dwar iż-żamma tad-data. Fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma l-Kummissjoni ħabbret li se tiġi ppreżentata proposta għal rieżami fl-2012.
Fid-dawl tar-rapport ta’ valutazzjoni, wieħed jista’ jikkonkludi li d-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ privatezza u protezzjoni tad-data, minħabba li n-neċessità ma ġietx murija b’mod suffiċjenti u setgħu jintużaw metodi ferm inqas invażivi.
1. Il-Kummissjoni kkunsidrat it-tħassir tad-direttiva ladarba ma hemmx evidenza suffiċjenti kemm tan-neċessità tagħha kif ukoll tal-proporzjonalità tagħha f’soċjetà demokratika?
2. Il-Kummissjoni kkunsidrat bir-reqqa alternattivi inqas invażivi għaż-żamma tad-data fir-rigward tal-privatezza?
3. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li toħroġ riformulazzjoni tad-direttiva, il-Kummissjoni tista’ tiżgura li l-proposta l-ġdida se tkun:
– proporzjonata u mhux se tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju;
– komprensiva u se tarmonizza ġenwinament ir-regoli dwar l-obbligu ta' żamma tad-data u dwar aċċess u użu ulterjuri ta’ data mill-awtoritajiet kompetenti, u
– eżawrjenti, jiġifieri bi skop ċar u preċiż.
4. Il-Kummissjoni meta se tippreżenta l-proposta tagħha?
Imressqa: 22.6.2012
Mgħoddija: 26.6.2012
L-iskadenza għat-tweġiba: 3.7.2012