Schengen - kontrolli illegal fil-fruntieri interni
26.6.2012
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000132/2012
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Renate Weber, Sophia in 't Veld, Alexander Alvaro, Baroness Sarah Ludford, Sonia Alfano, Louis Michel, Nathalie Griesbeck, Cecilia Wikström, Stanimir Ilchev, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Marielle de Sarnez, Jelko Kacin, Ivo Vajgl
f'isem il-Grupp ALDE
Il-libertà tal-moviment hija prinċipju essenzjali tal-UE, u li dak li jkun jista’ jivvjaġġa fi ħdan l-UE mingħajr ma jsirulu kontrolli fil-fruntieri interni hija fost l-aktar kisbiet ta’ suċċess tagħha.
Spazju mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni li jippermetti l-moviment liberu taċ-ċittadini, il-ħaddiema, il-prodotti u s-servizzi huwa essenzjali għas-suċċess tas-suq uniku u għall-isforzi kontinwi tal-Ewropa biex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku.
Sfortunatament, l-isfidi għal Schengen qed ikomplu jikbru fl-Istati Membri. Għal darb’ oħra, reġgħu tqajmu lmenti rigward l-eżistenza ta’ kontrolli fil-fruntieri interni. Din id-darba, l-ilmenti, akkumpanjati minn data dettaljata, jikkonċernaw il-kontrolli li l-awtoritajiet Ġermaniżi qed jagħmlu sistematikament fuq xarabankijiet Ċeki fl-inħawi tal-fruntiera. Skont l-istatistika ppreżentata fi Frar 2012, madwar 55.3 % tax-xarabankijiet li jgħaddu mill-Ġermanja jsirulhom kontrolli.
Sadattant, fil-11 ta’ Mejju 2012, Qorti Olandiża ddeċidiet li l-kontrolli mwettqa mill-1 ta’ Ġunju 2011 mill-awtoritajiet Olandiżi skont il-‘Mobiel Toezicht Veiligheid’ fuq il-bażi tal-Artikolu 4(17)(a) tal-‘Vreemdelingenbesluit 2000’ għandhom l-istess effetti bħal kontrolli tal-fruntiera u huma ksur ċar tar-regoli ta’ Schengen, speċifikament tal-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
Il-Kunsill jaf b’dawn il-fatti? Il-Kunsill jemmen li għandha ssir xi ħaġa sabiex dan il-ksur sistematiku tar-regoli ta’ Schengen jintemm?
Il-Kunsill jemmen li din ix-xejra, li qiegħda tikber, tixhed il-ħtieġa li jinħoloq Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni reali ta’ Schengen?
Imressqa: 26.6.2012
Mgħoddija: 27.6.2012
L-iskadenza għat-tweġiba: 18.7.2012