It-tkabbir fl-UE
7.12.2012
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000209/2012
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Gabriele Zimmer, Marisa Matias, Nikolaos Chountis, Jürgen Klute, Thomas Händel, Søren Bo Søndergaard, Patrick Le Hyaric, Mikael Gustafsson
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Qed isir evidenti li l-kriżi tal-kapitaliżmu qed tinfirex b’mod rapidu fl-UE u dan qed iwassal għall-akbar dipressjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Id-deregolazzjoni tas-swieq finanzjarji xprunat l-ispekulazzjoni bi prodotti finanzjarji tossiċi li kienu ta’ benefiċċju għal ftit persuni. Bl-introduzzjoni tal-munita komuni, l-iżbilanċi makroekonomiċi żdiedu hekk kif numru ta’ pajjiżi applikaw politiki li permezz tagħhom imxew ’il quddiem għad-detriment tal-ġirien tagħhom, bi tnaqqis tal-pagi reali u sistemi ta’ sigurtà soċjali mdgħajfa. Konsegwenza ta’ dan, it-tkabbir ekonomiku tħarbat serjament u, kif ġie enfasizzat permezz ta’ data riċenti tal-Eurostat tat-3 ta’ Diċembru 2012, il-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jiżdiedu b’mod drammatiku.
B’kuntrast mal-assunzjonijiet inizjali, kalkoli differenti, inklużi dawk mill-FMI, juru li l-politiki ta’ awsterità antiċipati kkawżaw effetti soċjoekonomiċi negattivi sinifikanti u kkawżaw spirali ekonomika li dejjem nieżla ’l isfel u li wasslet għal aktar dejn pubbliku. X’miżuri preċiżi qed tieħu l-Kummissjoni jew x’miżuri se tieħu biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet?
X’miżuri qed tipproponi l-Kummissjoni bil-għan li tnaqqas l-iżbilanċi attwali fil-kont ta’ pajjiżi b’bilanċ favorevoli, u x’inhuma l-konsegwenzi potenzjali ta’ din il-politika għal dawn il-pajjiżi?
Il-Kummissjoni tista’ tagħti dettalji dwar jekk il-kapital imħallas mill-Bank Ewropew tal-Investiment ġiex diġà miżjud b’EUR 10 biljun, kif previst mill-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, u jekk le, meta dan x’aktarx ħa jsir? X’inhu l-ammont ta’ investiment addizzjonali li s’issa rnexxielu jillibera l-BEI fil-qafas tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, u f’liema oqsma?
Imressqa: 7.12.2012
Mgħoddija: 11.12.2012
L-iskadenza għat-tweġiba: 18.12.2012