Il-modernizzazzjoni tal-Kodiċi Doganali u l-introduzzjoni ta' lista ta' regoli tal-oriġini mhux preferenzjali
9.1.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000001/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Silvana Koch-Mehrin
f'isem il-Grupp ALDE
Fil-preżent, l-oriġini tal-merkanzija hija determinata skont il-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 24 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92), li jistipula li l-merkanzija li l-produzzjoni tagħha tinvolvi aktar minn pajjiż wieħed għandha titqies li toriġina mill-pajjiż fejn tkun għaddiet mill-aħħar ipproċessar jew ħidma f'impriża mgħammra għal dak l-iskop, li jkunu sostanzjali u ekonomikament ġustifikati u li jirriżultaw fil-manifattura ta' prodott ġdid jew li jirrappreżentaw stadju importanti tal-manifattura.
Id-WTO qed tagħmel sforzi biex tarmonizza r-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija. Abbażi tal-abbozz tad-WTO, u bħala parti mill-proċess ta' modernizzazzjoni, il-Kummissjoni adattat l-Kodiċi Doganali u żviluppat regoli tal-oriġini vinkolanti differenti għall-oriġini mhux preferenzjali. Skont il-Kummissjoni, din il-lista ta’ regoli se twassal għal ċarezza legali akbar rigward l-importazzjoni u għandha taqdi l-funzjoni ta’ bażi legali ċara speċjalment f’każijiet ta’ anti-dumping. Madankollu, għall-kumpaniji, din is-sistema tista' tfisser li l-applikazzjoni tar-regoli ssir ħafna aktar kumplessa. Filwaqt li fil-passat il-pajjiż tal-esportazzjoni kien jidentifika l-oriġini tal-merkanzija, skont il-proposta tal-Kummissjoni, l-UE nnifisha għandha tiddetermina l-oriġini tal-merkanzija minn pajjiżi terzi.
Imressqa: 9.1.2013
Mgħoddija: 11.1.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 18.1.2013