f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Suġġett:Is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qagħda tan-Nisa (CSW) fi ħdan in-NU: il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet
Il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet għadha waħda mill-aktar ksur globali u strutturali serju tad-drittijiet tal-bniedem. Biex tintemm il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru jeħtieġ isiru sforzi f’kull livell. Fil-livell internazzjonali, l-aktar proċess sinifikanti għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet kien il-ħidma tan-NU, u b’mod partikolari il-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Bejġing. L-UE wkoll inkorporat din il-kwistjoni, kemm fil-politika u l-leġiżlazzjoni interna kif ukoll f’azzjonijiet tal-politika esterna.
L-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet se tkun it-tema prijoritarja tas-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qagħda tan-Nisa tan-NU bejn l-4 u l-15 ta’ Marzu 2013. Is-sena li għaddiet, is-CSW ma rnexxilhiex tadotta konklużjonijiet miftehma, u dan il-fatt joħloq tħassib serju għall-atturi kollha li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa. F’dan l-ambitu, is-57 Kummissjoni dwar il-Qagħda tan-Nisa se tkun opportunità importanti biex tinġieb ‘il quddiem l-aġenda tad-drittijiet tal-bniedem u biex tiżdied l-azzjoni dinjija għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. L-UE għandha rwol importanti u trid tieħu l-passi meħtieġa biex ikun żgurat eżitu pożittiv.
F’dan il-punt, l-UE kif se tappoġġa l-isforzi tan-NU għall-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, u għall-iżgurar ta’ eżitu pożittiv u sensiela ta’ konklużjonijiet miftehma li jħarsu 'l quddiem fis-57 Kummissjoni dwar il-Qagħda tan-Nisa f’Marzu 2013?
X’inhuma l-komponenti ewlenin tal-kontribut tal-UE għal azzjoni tal-politika u azzjoni operazzjonali ġodda fil-livell dinji biex jintemmu l-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa?
Xi progress sar min-naħa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rigward tal-inkorporazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fil-qalba tax-xogħol tiegħu, u b’mod partikolari il-ħidma għall-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa? X’passi ulterjuri hemm ippjanati?
Kif inhi evalwata l-politika tal-UE għall-konfrontazzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza fil-kuntest tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp internazzjonali?
Kif se jiġu artikulati l-isforzi globali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fil-livell tal-UE, b’mod partikulari fl-istrateġija mħabbra tal-UE biex jintemmu l-forom kollha ta’ vjolenza fuq in-nisa u permezz ta’ miżuri leġiżlattivi ġejjiena possibbli?