Mistoqsija Parlamentari - O-000018/2013Mistoqsija Parlamentari
O-000018/2013

  L-impatt tal-awsterità fuq il-kundizzjonijiet tal-għixien ta' nies b'diżabilitajiet

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000018/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Pervenche Berès
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Proċedura : 2012/2927(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000018/2013
Testi mressqa :
O-000018/2013 (B7-0113/2013)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fl-Unjoni Ewropea, l-evidenza turi li l-persuni b’diżabilitajiet, inklużi dawk b’diżabilitajiet intellettwali, jintalqtu fi grad sproporzjonat mill-qtugħ fl-infiq pubbliku u mit-telf riżultanti ta’ miżuri ta’ appoġġ – bħalma huma l-assistenza personali u l-pagamenti diretti – li huma essenzjali li jridu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità.

1.  Il-politiki ta’ awsterità jwasslu għal żieda fil-għadd ta’ nies li jgħixu fil-kura istituzzjonali fit-tul f’bosta Stati Membri, u għal aktar esklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilitajiet. Il-Kummissjoni x'biħsiebha tagħmel biex taqlibha din ix-xejra?

2.  Huwa ta’ importanza fuqana għan-nies b’diżabilitajiet li l-miżuri ta’ awsterità ma jolqtux l-kura primarja u ta’ matul il-ġurnata, li, bil-kontra, għandha tinfirex iżjed. Fl-istess waqt, l-għoti ta’ kura fid-djar għandu jikber. X’passi konkreti qed tippjana li tieħu l-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-organizzazzjoni ta' dawn is-servizzi bbażati fil-komunità?

3.  L-impenji tal-UE favur il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni meta si tratta tal-aċċess għall-impjiegi u x-xogħol, u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali tal-persuni b'diżabilitajiet, mhumiex jitwettqu. Għad hemm kuxjenza dgħajfa tal-potenzjal enormi għat-titjib tal-integrazzjoni tan-nies diżabbli fis-suq tax-xogħol, li tista' tikkontribwixxi wkoll għall-miri tal-impjiegi fil-qafas tal-UE 2020. Liema rakkomandazzjonijiet jew prattiki tajbin jistgħu jmexxu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nies b’diżabilità fis-soċjetaa, u fis-suq tax-xogħol, u li jippromwovu soċjetà aktar sostenibbli?

4.  Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni tan-nies b’diżabilitajiet[1] u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 jisħqu dwar il-ħtieġa ta' aktar azzjoni f'bosta oqsma. Liema passi beħsiebha tieħu l-Kummissjoni biex timplementa l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020 u biex tiżgura li l-UE twettaq l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Jeddijiet tal-Persuni b’Diżabilitajiet?

Imressqa: 22.2.2013

Mgħoddija: 26.2.2013

L-iskadenza għat-tweġiba: 5.3.2013