Skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti
25.2.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000021/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2011 dwar ‘it-titjib tas-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil: Aġenda tal-UE għal kondiviżjoni tar-responsabbiltà aħjar u aktar fiduċja reċiproka’, il-Kummissjoni wriet l-appoġġ qawwi tagħha għar-rilokazzjoni fi ħdan l-Unjoni ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, u impenjat ruħha li tipproponi skema ta’ rilokazzjoni volontarja u permanenti fl-2012 (soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt ulterjuri). Din l-iskema tippermetti lill-Istati Membri li jitolbu assistenza għar-rilokazzjoni, inkluż f'każ ta' emerġenza.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Marzu 2012, il-Kunsill stqarr li kull pass addizzjonali li jsir dwar ir-rilokazzjoni volontarja fi ħdan l-UE tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi eżaminat u jittieħed fid-dawl tal-esperjenza miksuba, u stieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-Proġett Pilota għar-Rilokazzjoni interna fl-UE minn Malta (EUREMA).
L-evalwazzjoni tal-proġett EUREMA, mitluba mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ta' Marzu 2012, intemmet f'Lulju 2012 bil-publikazzjoni tar-rapport ta' inkjesta tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar is-solidarjetà fl-UE fil-qasam tal-ażil (P7_TA(2012)0310), il-Parlament talab li ssir proposta għal mekkaniżmu tar-rilokazzjoni fl-UE permanenti. Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra, fil-proposta leġiżlattiva tagħha, l-użu ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-UE għar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, ibbażata fuq indikaturi xierqa.
Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2012 iddiskuta b'mod informali l-evalwazzjoni tal-proġett EUREMA.
Madankollu, minn dak iż-żmien, ma kien hemm l-ebda sinjal li l-Kummissjoni hija lesta li tressaq il-proposta mwiegħda tagħha għal skema ta' rilokazzjoni tal-Unjoni volontarja u permanenti.
Il-Kummissjoni meta biħsiebha tippubblika din il-proposta?
Imressqa: 25.2.2013
Mgħoddija: 27.2.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 6.3.2013