Mistoqsija Parlamentari - O-000038/2013Mistoqsija Parlamentari
O-000038/2013

  L-Istrateġija tal-UE għall-Artiku

28.3.2013

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000038/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Konrad Szymański
f'isem il-Grupp ECR

Il-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE tal-2012 tiddikjara li l-politika tal-UE dwar l-Artiku għandha tkun ibbażata fuq it-tagħrif, ir-responsabbiltà u l-impenn.

F'Mejju, il-Kunsill tal-Artiku se jiddeċiedi jekk jaċċettax l-applikazzjoni tal-UE għal status ta' osservatur permanenti. Aħna, li abbozzajna din il-mistoqsija orali, nappoġġaw l-aspirazzjoni tal-UE li ssir osservatur permanenti u li tiżviluppa politika koerenti għall-Artiku.

Il-Parlament Ewropew jappoġġa r-rwol tal-UE bħala sieħeb responsabbli, impenjat u affidabbli għall-istati u l-popli kollha tal-Artiku, kif ukoll tal-atturi relevanti minn setturi bħax-xjenza u l-kummerċ, u jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet u l-proposti li saru fir-Rapport dwar it-Tramuntana Estrema tal-2011. Fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-2012 u fil-kuntest tal-laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Artiku f'Mejju, nistiednu lill-Kummissjoni tagħti tweġiba għall-mistoqsijiet li ġejjin:

1.  Liema interventi wettqet il-Kummissjoni bħala segwitu għat-48 azzjoni li ġew issuġġeriti fil-komunikazzjoni tagħha tal-2008 u għat-talbiet li saru fir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2011? X'inizjattivi ittieħdu favur il-membri tal-Kunsill tal-Artiku? Il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha, kif qed tippjana li tagħmel użu mill-għodda ta' valutazzjoni jew ta' komunikazzjoni eżistenti jew emerġenti fir-rigward tal-Artiku?

2.  Meta għandha l-ħsieb il-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta' Azzjoni biex timplimenta l-objettivi tal-Komunikazzjoni tagħha tal-2012? B'liema mod se jkun relatat mal-politiki jew mal-programmi ġenerali tal-UE bħal Aġenda 2020, Orizzont 2020, il-politika tal-UE dwar il-materja prima u l-fażi tal-INTERREG li jmiss?

3.  X'linji tal-baġit huma previsti biex il-politika tal-UE għall-Artiku ssir operattiva?

4.  B'liema mod il-Kummissjoni u s-SEAE se jikkoordinaw il-politika tal-UE dwar l-Artiku, u f'liema oqsma s-SEAE jew il-Kummissjoni se jieħdu l-inizjattiva?

5.  B'liema mod il-Kummissjoni se tiżgura li jiġu kkunsidrati l-interessi leġittimi tal-popli tal-Artiku fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki u tat-teħid ta' deċiżjonijiet li jseħħu fi Brussell?

6.  B'liema mod l-UE se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku tal-Artiku u għall-ħarsien ambjentali ta' din l-ekosistema unika, sabiex ikun garantit li l-iżvilupp fl-Artiku jimxi skont l-ogħla standards?

Imressqa: 28.3.2013

Mgħoddija: 4.4.2013

L-iskadenza għat-tweġiba: 11.4.2013