L-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma u ż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja
25.4.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000046/2013
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Klaus-Heiner Lehne
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Carlo Casini
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Fl-20 ta’ April 2010 l-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jimplimenta l-programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009, wara li l-Parlament Ewropew kien adotta r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-programm pluriennali 2010-2014 dwar iż-Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (il-Programm ta’ Stokkolma). Dan kien jittratta dwar il-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej, fi ħdan Ewropa miftuħa u sikura, li sservihom u tipproteġihom.
Filwaqt li diġà dħalna fit-tieni parti tal-perjodu li għalih dan il-programm ġie mfassal (2010-2014) u li, għalhekk, tajjeb li wieħed jikkonċentra, fi żmien qasir, fuq il-kontenut ta’ dak li se jsegwih, jidher li hija assolutament meħtieġa valutazzjoni tar-realizzazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-informazzjoni u d-data disponibbli fil-mument, partikolarment rigward id-dimensjoni konkreta tar-riżultati miksuba għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej, bis-saħħa tal-miżuri previsti fil-programm, l-istrumenti tal-implimentazzjoni u l-problemi li tfaċċaw, sabiex tinżamm u, jekk ikun hemm bżonn, tiġi rilanċjata, id-dinamika tal-integrazzjoni f’dan il-qasam essenzjali għaċ-ċittadin Ewropew.
1. Il-Kunsill f’liema miżura jikkalkula li l-għanijiet tal-Programm ta’ Stokkolma ntlaħqu, sa dan il-mument, b’mod xieraq permezz tal-implimentazzjoni konkreta tal-miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea?
2. Liema huma l-oqsma fejn ġew iffaċċjati d-diffikultajiet l-iktar serji u fejn għad hemm ostakli ? Fejn id-diffikultajiet u l-ostakli qed jippersistu, x’inhuma r-raġunijiet ewlenin?
3. Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona ppermettew li jitjiebu kemm l-effikaċja kif ukoll il-leġittimità demokratika tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qafas taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll l-implimentazzjoni konkreta tal-miżuri adottati mill-Istati Membri?
Imressqa: 25.4.2013
Mgħoddija: 26.4.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 17.5.2013