Dewmien fl-adozzjoni tal-proposti tas-servizzi finanzjarji mill-Kummissjoni
31.5.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000065/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sharon Bowles
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Il-leġiżlatura attwali rat numru kbir ta' proposti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji, b'mod partikolari b'reazzjoni għall-kriżi finanzjara, u diversi proposti leġiżlattivi importanti għadhom mistennija qabel it-tmiem tal-leġiżlatura fl-2014.
Madankollu, ħafna mill-proposti tal-Kummissjoni tressqu lill-Parlament u lill-Kunsill ħafna aktar tard milli kien maħsub oriġinarjament. Dan kien il-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-proposta Omnibus II b'dewmien ta' 15-il xahar, u l-proposta għal direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tal-impriżi ta' investiment, li ġiet ippreżentata madwar sena aktar tard milli kien maħsub.
Illum, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament jinsab imħasseb sew dwar id-dewmien tal-Kummissjoni fl-adozzjoni ta' ċerti proposti leġiżlattivi dwar is-servizzi finanzjarji. B'mod partikolari, il-proposta għad-Direttiva dwar il-Liġi tat-Titoli, li oriġinarjament kienet maħsuba għall-2010, u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, li kellha ssir fl-1 ta' Novembru 2012, għadhom iridu jiġu adottati mill-Kummissjoni.
Nixtiequ lill-Kummissjoni tiċċara l-intenzjonijiet tagħha fir-rigward taż-żewġ proposti msemmija hawn fuq, u b'mod aktar speċifiku tindika:
jekk ikkonkludietx diġà l-Valutazzjonijiet tal-Impatt, u jekk le, meta biħsiebha li tikkonkludihom;
ir-raġunijiet għad-dewmien fil-preżentazzjoni ta' dawk il-proposti leġiżlattivi; kif ukoll
meta biħsiebha tadotta dawk il-proposti.
Imressqa: 31.5.2013
Mgħoddija: 4.6.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 11.6.2013