Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar "l-allegazzjoni tat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri fil-pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tal-EP TDIP
2.7.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000079/2013/rev.1
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Elmar Brok
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Fil-paragrafu 56 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar "l-allegazzjoni tat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri fil-pajjiżi Ewropej mis-CIA: bħala segwitu għar-rapport tal-Kumitat PE TDIP[1], il-Parlament jagħti struzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, flimkien mas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jindirizzaw lill-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni" u "iqis li issa huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-punt sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament ġew segwiti u, fejn ma ġewx segwiti, tiġi analizzata r-raġuni għalfejn".
Minħabba l-iżviluppi li saru minn mindu ġie adottat ir-rapport u fid-dawl ta' dan il-mandat, il-Kumitat LIBE jixtieq li l-Kunsill iwieġeb għall-mistoqsijiet li ġejjin.
1. Liema rakkomandazzjonijiet ġew segwiti u implimentati mill-Kunsill?
B'mod partikolari:
– il-Kunsill skuża ruħu talli kien fi ksur tal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif stabbilit fit-Trattati, meta inkorrettament ipprova jipperswadi lill-Parlament jaċċetta verżjonijiet deliberatament imqassra tal-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta' ħidma dwar id-dritt internazzjonali pubbliku (COJUR) u relazzjonijiet transatlantiċi (COTRA) ma' uffiċjali għolja tat-Tramuntana tal-Amerika?
– il-Kunsill ħareġ dikjarazzjoni li fiha jagħraf l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-inkjesti?
– il-Kunsill ta l-appoġġ kollu tiegħu għall-proċessi għas-sejba tal-verità u responsabilità fl-Istati Membri billi indirizza formalment il-kwistjoni fil-laqgħat tal-Intern, u qasam l-informazzjoni kollha, ipprovda assistenza b'rispons għall-inkjesti u, b’mod partikolari, billi aderixxa mat-talbiet għal aċċess ta' dokumenti;
– il-Kunsill organizza seduti ta' smigħ ma' aġenziji tas-sigurtà rilevanti tal-UE biex jiċċara l-għarfien tagħhom fir-rigward tal-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u r-rispons tal-UE?
– il-Kunsill ippropona salvagwardji sabiex jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-iskambju tal-intelliġenza, u delimitazzjoni stretta tar-rwoli bejn attivitajiet għall-ġbir tal-intelliġenza u l-infurzar tal-liġi sabiex aġenziji ta' intelliġenza ma jitħallewx jassumu poteri ta' arrest u detenzjoni?
2. X'miżuri biħsiebu jieħu l-Kunsill sabiex itejjeb is-segwitu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet?
Imressqa: 2.7.2013
Mgħoddija: 3.7.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 24.7.2013
- [1] Testi adottati, P7_TA(2012)0309.