L-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja (speċjalment fir-rigward tal-ksenofobija u l-omofobija)
11.9.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000089/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda, Marije Cornelissen, Werner Schulz
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Il-Parlament Ewropew jibqa’ impenjat li japprofondixxi u jiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet mar-Russja abbażi ta’ impenn reċiproku kondiviż għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, ninsabu mħassbin ħafna dwar in-nuqqas dejjem akbar ta’ rispett, min-naħa tar-Russja, għal dawn il-prinċipji ewlenin.
Mindu ġew adottati diversi liġijiet li jirrestrinġu l-libertà ta’ espressjoni, il-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, partikolarment il-liġi tal-‘aġenti barranin’ u liġijiet federali u reġjonali ‘kontra l-propoganda’, diversi organizzazzjonijiet irrappurtaw żieda fl-attakki ksenofobiċi u omofobiċi vjolenti.
Dehru diversi mijiet ta’ vidjos onlajn ta’ vjolenza mingħajr tifsira li juru gruppi ultra nazzjonalisti jsawtu u jittorturaw persuni LGBT (inklużi żgħażagħ), migranti u minoranzi etniċi. Diversi gruppi poġġew vidjos xokkanti ta’ umiljazzjoni intensa, swat u tortura fuq siti tal-midja soċjali Russi.
L-NGOs Russi li jimmonitorjaw dan il-ksur gravi issa qed jiffaċċjaw kampanja proattiva sabiex jagħlqu. L-NGOs u l-attivisti ċivili u politiċi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, żgħażagħ, minoranzi etniċi, migranti u persuni LGBT huma intimidati u mhedda minn gruppi ta’ viġilanza u l-pulizija. Jeżistu provi biżżejjed ta’ proċessi kriminali inġusti li fihom organizzazzjonijiet bħas-‘Side-by-Side LGBT Film Festival’, ingħataw multa u kienu mġiegħla jagħlqu. L-organizzazzjoni ‘Coming Out Saint Petersburg’ ġiet immultata l-ammont massimu skont il-liġi ‘aġenti barranin’ qabel ma s-sentenza ġiet annullata minn qorti ogħla, iżda t-theddida ta' spezzjonijiet mill-pulizija għadha teżisti. Organizzazzjonijiet oħra ma jistgħux joperaw jekk ma jiddikjarawx lilhom infushom bħala ‘aġenti barranin’, u b’hekk isiru suġġetti għall-invalidità tal-obbligi legali.
– X’għamlet il-Kummissjoni sabiex tagħti segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istat tad-dritt fir-Russja?
– B’liema mod tqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-mexxejja Russi fis-Samit UE-Russja li sar f’Ġunju f’Yekaterinburg, u waqt is-Samit G20 ta’ Settembru f’San Pietruburgu?
– Il-Kummissjoni kif se tkompli tqajjem it-tħassib tal-NGOs b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fir-Russja?
Imressqa: 11.9.2013
Mgħoddija: 13.9.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 20.9.2013