Modernizzazzjoni tat-titolu dwar il-kummerċ tal-Ftehim ta'Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni UE-Messiku
17.10.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000115/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Vital Moreira, George Sabin Cutaş
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni UE-Messiku (EPPCC) daħal fis-seħħ f'Ottubru 2000. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-kuntest tal-politika tal-kummerċ inbidel: Waqt li l-Messiku kkonkluda diversi ftehimiet kummerċjali u pparteċipa fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP), l-UE kkonkludiet aktar ftehimiet kummerċjali komprensivi, u qed tipparteċipa f'negozjati dwar ftehim ma' sħab bħall-Istati Uniti u l-Kanada, li jmorru lil hinn ħafna mill-ambitu u l-ambizzjoni ta' dak li hu kopert permezz tal-pilastri kummerċjali attwali tal-Ftehim EPPCC UE-Messiku. Fl-aħħar Kumitat Konġunt UE-Messiku fl-10 u l-11 ta' Ġunju 2013, iż-żewġ naħat ikkonfermaw ix-xewqa tagħhom li jesploraw aktar l-għażliet ta' modernizzazzjoni wiesgħa u komprensiva tal-pilastri kummerċjali tal-Ftehim tagħhom.
1. Fil-fehma tal-Kummissjoni, x'inhu l-impatt li qed ikollhom il-pilastri kummerċjali attwali tal-ftehim fuq it-tnaqqis tal-faqar, il-koeżjoni soċjali u l-ambjent fil-Messiku u l-UE? X'impatt ikollha modernizzazzjoni potenzjali tal-ftehim f'dawn l-oqsma?
2. Liema elementi ewlenin se jallinjaw il-pilastri kummerċjali tal-Ftehim EPPCC UE-Messiku ma' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles adottati reċentement mill-UE, iġibu magħhom l-ikbar benefiċċji u jindirizzaw sfidi ġodda? L-UE u l-Messiku għal liema oqsma tas-suq ġodda huma l-aktar ħerqana li jiksbu aċċess?
3. Il-Kummissjoni se tinnegozja l-inklużjoni ta' kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, inkluża klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mekkaniżmu vinkolanti speċifiku għall-implimentazzjoni tiegħu?
4. Kif jista' jittejjeb il-kapitolu dwar is-servizzi finanzjarji (ir-regolamentazzjoni tal-flussi tat-twaqqif u tal-investiment) bl-għan li tingħata spinta lill-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Messiku fil-ġlieda kontra l-attivitajiet finanzjarji illegali fuq iż-żewġ naħat, inklużi l-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata u l-evażjoni tat-taxxa?
5. Ladarba bħalissa l-Kummissjoni qed tieħu sehem fin-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, x'inhu l-programm tal-grupp ta' ħidma li qed jesplora l-għażliet għall-modernizzazzjoni tal-pilastri kummerċjali tal-Ftehim EPPCC UE-Messiku? X'ikun qafas ta' żmien realistiku għat-tħejjija, il-parteċipazzjoni u l-konklużjoni ta' negozjati għall-modernizzazzjoni ta' dan il-ftehim?
6. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tiżgura l-konsistenza bejn il-modernizzazzjoni tal-pilastri kummerċjali tal-Ftehim UE-Messiku u n-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment u dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv? Barra minn hekk, x'inhu l-ambitu li tipprevedi l-Kummissjoni għal rabtiet possibbli bejn titolu kummerċjali mtejjeb tal-Ftehim EPPCC UE-Messiku u l-ftehimiet ma' membri oħra tal-Alleanza tal-Paċifiku?
7. Il-Kummissjoni biħsiebha titlob mandat ġdid ta' negozjar jew tattiva l-klawżola ta' rieżami?
Imressqa: 17.10.2013
Mgħoddija: 21.10.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 28.10.2013