Iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
6.12.2013
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000145/2013
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda, Jan Philipp Albrecht, Hélène Flautre, Franziska Keller, Ulrike Lunacek, Jean Lambert
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fit-12 ta' Novembru 2013, il-Parlament ta' Malta approva abbozz ta' att li jippermetti li persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi jixtru ċ-ċittadinanza Maltija, u b'hekk igawdu l-libertà ta' moviment fl-UE u aċċess għaż-żona ta' Schengen, għas-somma ta' EUR 650 000.
Filwaqt li deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' nazzjonalità u ċittadinanza huma kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, id-deċiżjoni Maltija hija problematika minħabba li liċ-ċittadini l-ġodda tagħtihom id-dritt li jivvjaġġaw fl-UE u jiksbu aċċess għall-bqija taż-żona ta' Schengen, bla konsultazzjoni mal-Membri l-oħra. Għaldaqstant tista' tiġi interpretata bħala abbuż tad-drittijiet li l-pajjiż kiseb permezz tas-sħubija tiegħu, kif ukoll bħala nuqqas ta' rispett fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra u tal-Membri l-oħra taż-Żona ta' Schengen.
Tqajjem ukoll preokkupazzjonijiet importanti rigward diskriminazzjoni possibbli, minħabba l-fatt li ċ-ċittadinanza se jkunu jistgħu jixtruha biss l-aktar sinjuri fost il-persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi oħra
Barra minn hekk, mhuwiex ċar jekk ċittadini Maltin humiex se jibbenefikaw minn din il-politika, pereżempju permezz tal-ġbir tat-taxxi. Iċ-ċittadinanza tinvolvi mhux biss drittijiet, imma wkoll responsabbiltajiet, iżda dan mhux se jkun jgħodd għall-investituri barranin.
Fl-aħħar nett, din id-deċiżjoni tqajjem mistoqsijiet dwar jekk dan il-mod li dak li jkun jikseb iċ-ċittadinanza Maltija jimminax l-istess kunċett ta' ċittadinanza Ewropea.
Il-Kummissjoni tista' tikkjarifika jekk id-deċiżjoni tal-Parlament ta' Malta tirrispettax il-kelma tat-Trattati u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fihom, kif ukoll il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen?
Barra minn hekk, tal-anqas ħames Stati Membri oħra (Spanja, Ċipru, il-Portugall, il-Latvja u l-Greċja) offrew li jbigħu drittijiet ta' residenza bi skambju għal investiment f'negozji, proprjetà immobbli jew bonds tal-gvern.
Il-Kummissjoni tista' tagħti stampa ġenerali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri?
Imressqa: 6.12.2013
Mgħoddija: 10.12.2013
L-iskadenza għat-tweġiba: 17.12.2013