Mistoqsija Parlamentari - O-000016/2014Mistoqsija Parlamentari
O-000016/2014

NAIADES II - programm ta' azzjoni għall-appoġġ tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000016/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Brian Simpson, f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Proċedura : 2013/3002(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000016/2014
Testi mressqa :
O-000016/2014 (B7-0104/2014)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titolu 'Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni - NAIADES II' (COM (2013)0623), il-Kummissjoni nnotat li s-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni attwalment għaddej minn żminijiet diffiċli u qed ibati minn kapaċità żejda f'ċerti segmenti u minn frammentazzjoni kontinwa tal-parteċipanti fis-suq, minbarra t-tnaqqis ġenerali fir-ritmu ekonomiku tal-UE mill-2008 'l hawn. Sabiex tippermetti tkabbir sostenibbli u inklużiv tas-settur fuq tul ta' żmien, il-Kummissjoni pproponiet bidliet strutturali fis-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, li jinkludu titjib fil-kundizzjonijiet operattivi tas-settur, fl-infrastruttura, fis-swieq u l-innovazzjoni, fl-impjiegi u l-ħiliet, u integrazzjoni fil-katina loġistika.

Madankollu, il-Kummissjoni naqset milli tipproponi miżuri innovattivi u konkreti - inkluż finanzjament adegwat u ddedikat - li kieku jiżgura implimentazzjoni bis-sħiħ tal-programm ta' azzjoni u jkollu impatt veru fuq is-settur. NAIADES II jidher li hu traqqigħ tal-miżuri eżistenti.

Minħabba l-importanza tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni biex tkun żgurata katina ta' trasport sostenibbli fl-Ewropa, b'mod partikolari għall-merkanzija, il-Parlament hu mħasseb li hemm nuqqas ta' strateġija soda u konkreta għas-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

Il-Kummissjoni biħsiebha tfassal pjan strateġiku, inklużi azzjonijiet konkreti, riżorsi għall-implimentazzjoni, u miri li jistgħu jintlaħqu u jitkejlu fuq żmien qasir u medju, sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tas-settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-katina tat-trasport u sabiex tgħin l-integrazzjoni tiegħu?

Il-Kummissjoni x'miżuri konkreti biħsiebha tieħu, u x'riżorsi huma previsti biex jistimulaw l-użu tal-innovazzjoni bl-għan li tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-flotta tal-passaġġi fuq l-ilma interni, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-aċċess għall-fondi, b'mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, hu diffiċli ħafna bħalissa?

Il-Kummissjoni x'miżuri konkreti biħsiebha tieħu sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs, li jiffurmaw il-parti l-kbira tas-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, filwaqt li żżom f'moħħha li l-aċċess għal dawn l-istrumenti s-soltu jkun jeħtieġ għarfien burokratiku u amministrattiv speċifiku li mhuwiex disponibbli minnufih għall-SMEs?