Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili
30.1.2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000029/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Mikael Gustafsson, f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Fil-25 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni li tittratta bosta aspetti tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, fenomenu sensittiv ħafna li huwa maħsub li jaffetwa aktar minn 125 miljun mara madwar id-dinja u 500 000 fl-UE.
Il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-bniet u n-nisa. Hija waħda mill-aktar forom krudili ta’ vjolenza kontra n-nisa. Il-prattika għandha konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi serji kemm immedjati u fit-tul għall-vittmi.
Il-Parlament adotta diversi/bosta riżoluzzjonijiet dwar il-kwistjoni, inklużi dawk tal-24 ta' Marzu 2009 dwar 'il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE' u tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar 'it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa'. Bħalissa qiegħed fil-proċess tal-abbozzar ta' rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja dwar il-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa li tqis b'mod sħiħ l-MĠF bħala forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru.
Il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi, mingħajr dewmien, strateġija globali u komprensiva u pjan ta 'azzjoni dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-MĠF, li tindirizza diversi kwistjonijiet bħall-prevenzjoni u l-protezzjoni?
Il-Kummissjoni ma taqbilx li att leġiżlattiv tal-UE bl-għan li tistabbilixxi miżuri ta' prevenzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru tkun għodda aħjar għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa fl-UE, inkluża l-MĠF?
Il-Kummissjoni x'azzjoni qed tieħu dwar il-kwistjoni bħala parti mill-politika tar-relazzjonijiet esterni tagħha, u tista' tikkummenta dwar kwalunkwe kondizzjonijiet li huma imposti fuq pajjiżi terzi meta tingħata għajnuna biex jiġi żgurat li l-pajjiżi terzi jieħdu pożizzjoni b'saħħitha dwar l-MĠF?