Mistoqsijiet parlamentari
PDF 53kWORD 30k
27 ta' Frar 2014
O-000045/2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000045/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Sari Essayah, Catherine Stihler, Mark Demesmaeker, Sandrine Bélier, Baroness Sarah Ludford, Ramon Tremosa i Balcells, Vittorio Prodi, Norbert Neuser, Barbara Lochbihler, Tarja Cronberg, Jiří Maštálka, Jean Lambert, Pavel Poc, Svetoslav Hristov Malinov, Giancarlo Scottà, Bas Eickhout, Judith Sargentini, Iñaki Irazabalbeitia Fernández, Pat the Cope Gallagher, Stephen Hughes, Andrea Zanoni, Chris Davies, Cristiana Muscardini, Alyn Smith, Struan Stevenson, Tunne Kelam, Anthea McIntyre, Raül Romeva i Rueda, Andreas Mölzer, Alejo Vidal-Quadras, Vicky Ford, Liam Aylward, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Susy De Martini, Sonia Alfano, Bart Staes, Marian Harkin, Helmut Scholz, Konrad Szymański, Heide Rühle

 Suġġett: L-użu tal-uranju mfaqqar għal skopijiet militari

L-uranju mfaqqar huwa prodott sekondarju tossiku u radjuattiv tal-proċess ta' arrikiment tal-uranju li r-radjuattività tiegħu tiżdied maż-żmien. Huwa jintuża minn numru ta' stati f'munizzjonijiet li jippenetraw għall-użu f'tankijiet tal-gwerra, vetturi armati u inġenji tal-ajru. Hemm sitt stati li huma magħrufa li jipproduċu dawn l-armi, u huwa maħsub li madwar 20 stat huma fil-pussess ta' dawn l-armi fil-ħażna tagħhom. Meta l-munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar jinħarqu, jiġġeneraw partikoli ta' ossidu tal-uranju li jippreżentaw periklu fil-ġbid tan-nifs għall-persuni ċivili u l-persunal militari. Il-munizzjonijiet li ma jolqtux il-mira tagħhom jistgħu jikkontaminaw il-ħamrija u l-ilma ta' taħt l-art. Fl-Iraq u fil-Balkani, l-Istati Uniti u r-Renju Unit użaw kwantitajiet sinifikanti ta' munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar. Hemm tħassib attwali rigward l-użu potenzjali tiegħu fl-Afganistan. Il-vetturi kkontaminati bl-uranju mfaqqar huma ta' riskju sinifikanti għal kolletturi tal-metall skreppjat u għat-tfal li sikwit jilagħbu bihom. Il-munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar intużaw minkejja lakuni konsiderevoli fid-dejta dwar l-imġiba ambjentali tal-uranju mfaqqar, il-perikli kimiċi u ta' radjazzjoni, il-livell ta' kontaminazzjoni li x'aktarx jinħoloq f'xenarji differenti u, b'mod kruċjali, il-punt sakemm il-popolazzjonijiet ċivili jistgħu jiġu esposti għal residwu tal-uranju mfaqqar. Il-Parlament, b'mod konsistenti, qajjem dubji dwar l-użu ta' munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar u opponih għal aktar minn deċennju. It-tħassib dwar l-użu ta' munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar kiber fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn f'Ottubru 2014 se titressaq il-ħames riżoluzzjoni dwar is-suġġett. F'ċerti oqsma tal-Iraq, il-kanċer fit-tfal u difetti konġenitali serji fit-twelid żdiedu b'mod esponenzjali, sal-punt fejn in-nisa m'għadhomx iridu li jkollhom it-tfal. Meta tikkunsidra l-kwistjonijiet imqajma hawn fuq, il-Kummissjoni tista' tispeċifika:

1. x'azzjoni ttieħdet s'issa biex tippromwovi restrizzjonijiet u/jew projbizzjonijiet fuq l-użu tal-munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar fost l-Istati Membri u biex jintwera sens ta' tmexxija fuq livell internazzjonali dwar din il-kwistjoni?

2. xi sforzi saru biex tiġi żviluppata pożizzjoni komuni tal-UE favur il-projbizzjoni tal-użu tal-munizzjonijiet tal-uranju mfaqqar?

3. x'għajnuna tista' tipprovdi l-UE biex tgħin lill-Gvern tal-Iraq jimmaniġġja aħjar l-uranju mfaqqar li wiret fil-pajjiż tiegħu?

4. l-uranju mfaqqar huwa wieħed minn diversi sustanzi perikolużi wżati fil-munizzjonijiet konvenzjonali li għandhom il-potenzjal ta' impatt fuq is-saħħa tal-persuni ċivili. Fid-dawl tal-pożizzjoni tal-UE bħala mexxej tar-regolazzjoni tal-kimiċi, il-Kummissjoni se tappoġġa riċerka dwar l-impatt ta' dawn ir-residwi tossiċi fuq il-persuni ċivili?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Avviż legali - Politika tal-privatezza