Mistoqsija Parlamentari - O-000051/2014Mistoqsija Parlamentari
O-000051/2014

Nuqqas allarmanti ta' pagamenti biex jiffinanzjaw l-għajnuna esterna tal-UE

Mistoqsija għal tweġiba orali O-000051/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Alain Lamassoure, f'isem il-Kumitat għall-Baġits

Proċedura : 2014/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
O-000051/2014
Testi mressqa :
O-000051/2014 (B7-0115/2014)
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Skont l-informazzjoni pprovduta reċentement mill-Kummissjoni, fl-2014 hemm nuqqas serju ta' pagamenti għall-għajnuna umanitarja. Terz tal-pagamenti kollha disponibbli għall-2014 għall-għajnuna umanitarja diġà ntefqu, u n-nuqqas mistenni ta' pagamenti fil-qasam tal-għajnuna umanitarja fl-2014 jammonta għal EUR 400 miljun, li EUR 150 miljun minnhom kienu diġà neqsin f'Lulju tal-2013.

Dan mhux biss jostakola lill-UE milli tħallas il-kontijiet eżistenti, iżda se jimpedixxi l-ipprogrammar u t-tnedija ta' azzjonijiet ġodda ppjanati għall-2014 fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.

Il-kriżi tal-likwidità qiegħda taffettwa strumenti finanzjarji esterni oħrajn (bħall-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem), li skont xi sorsi se jeħtieġu tal-inqas ammont addizzjonali ta' EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li dawn se jkunu diġà laħqu punt ta' kriżi f'Ġunju 2014. Is-sitwazzjoni tista' tkompli taggrava jekk jiġi kkonfermat li l-pakkett ta' għajnuna għall-Ukraina, approvat mill-Kunsill Ewropew fis-6 ta' Marzu 2014 abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta' fondi addizzjonali barra dawk diġà vvutati fil-baġit tal-2014.

1. X'proposti konkreti se tressaq il-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament biex ikopru l-bżonnijiet kollha ta' għajnuna esterna (inkluż kwalunkwe ħtieġa addizzjonali għal kriżijiet ġodda possibbli li jeħtieġu azzjoni immedjata), u dawn il-proposti meta se jitressqu? F'dan ir-rigward, Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tipproponi trasferimenti ġodda u/jew baġit li jemenda (u, jekk iva, meta)?

2. Minħabba li n-nuqqas ta' pagamenti jaffettwaw serjament l-għajnuna umanitarja u għadd ta' politiki oħra tal-UE, il-Kummissjoni tista' tikkonferma r-rieda tagħha li timmobilizza kwalunkwe mekkaniżmu ta' flessibbiltà stabbilit fir-regolament il-ġdid dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 u l-ftehim interistituzzjonali, inkluż l-marġni ta' kontinġenza, biex tindirizza s-sitwazzjoni?