Nuqqas allarmanti ta' pagamenti għall-finanzjament tal-għajnuna esterna tal-UE
31.3.2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000053/2014
lill-Kunsill
Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura
Eva Joly, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
Skont l-informazzjoni l-informazzjoni mogħtija reċentement mill-Kummissjoni, fl-2014 hawn nuqqas serju ta' pagamenti għall-għajnuna umanitarja. Terz tal-pagamenti kollha disponibbli għall-2014 assenjati għall-għajnuna umanitarja diġà ntefqu, u n-nuqqas mistenni ta' pagamenti fil-qasam tal-għajnuna umanitarja għas-sena 2014 jammonta għal EUR 400 miljun, li minnhom, f'Lulju 2013, diġà kien nieqes l-ammont ta' EUR 150 miljun.
Dan mhux biss iżomm lill-UE milli tħallas kontijiet eżistenti, iżda se jimpedixxi l-programmazzjoni u t-tnedija ta' azzjonijiet ġodda ppjanati għall-2014 fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni.
Il-kriżi tal-fluss tal-flus qiegħda taffettwa strumenti finanzjarji esterni oħrajn (bħall-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem), li skont xi sorsi se jeħtieġu minn tal-inqas ammont addizzjonali ta' EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li dawn diġà jkunu laħqu l-punt ta' kriżi f'Ġunju 2014. Is-sitwazzjoni tista' tkompli tiggrava jekk il-pakkett ta' għajnuna għall-Ukraina, approvat mill-Kunsill Ewropew fis-6 ta' Marzu 2014 abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta' fondi addizzjonali apparti dawk li dwarhom diġà saret votazzjoni fil-baġit tal-2014.
1. F'konformità mad-dikjarazzjoni konġunta dwar l-approprjazzjonijiet ta' pagament adottatata fil-baġit tal-UE għall-2014, li fiha t-tliet istituzzjonijiet kollha impenjaw ruħhom biex jiżguraw li l-mezzi finanzjarji meħtieġa jsiru disponibbli biex jippermettu lill-Unjoni tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha fir-rigward tal-partijiet terzi, il-Kunsill huwa lest jadotta fil-pront kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni fil-forma ta' baġit emendatorju bbażat fuq approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali?
2. Minħabba li n-nuqqas ta' pagamenti jaffettwa serjament l-għajnuna umanitarja u għadd ta' politiki oħra tal-UE, il-Kunsill jista' jikkonferma li huwa lest jimmobilizza kwalunkwe mekkaniżmu ta' flessibbiltà stabbilit fir-regolament il-ġdid dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 u l-ftehim interistituzzjonali, inkluż il-marġni ta' kontinġenza, biex jindirizza s-sitwazzjoni?