Il-malnutrizzjoni tat-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
12.11.2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000083/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Linda McAvan, f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
Aktar minn 165 miljun tifel u tifla li għandhom inqas minn ħames snin mhux qed jieħdu biżżejjed nutrizzjoni jew huma rakitiċi u xi 52 miljun tifel u tifla jbatu minn nuqqas serju ta' nutrizzjoni. Il-ħsara fiżika u konjittiva maħluqa minn dan in-nuqqas ta' nutrizzjoni matul l-ewwel 1000 jum ta' ħajja tat-trabi hija irreversibbli u mhemmx kura għaliha. In-nuqqas ta' nutrizzjoni jikkostitwixxi problema ekonomika li taffettwa l-potenzjal globali tas-soċjetà, tnaqqas il-produttività ekonomika, id-dħul potenzjali tal-individwi u l-kapital uman tan-nazzjonijiet. Iżda n-nuqqas ta' nutrizzjoni huwa wkoll ta' spiss dovut għal nuqqas ta' azzjonijiet opportuna u effikaċi. Il-programmi ta' kontra n-nuqqas ta' nutrizzjoni mhumiex biss azzjonijiet umanitarji, iżda fuq kollox huma investiment profittabbli għad-donaturi, għaliex in-nuqqas ta' nutrizzjoni madwar id-dinja jwassal għal konflitti, faqar u insikurezza soċjali.
Sar progress enormi tul dawn l-aħħar snin: F'Settembru 2010, il-Moviment SUN (Scaling Up Nutrition - Tisħiħ tan-Nutrizzjoni) ġie varat mill-kapijiet ta' gvern ta' madwar għoxrin pajjiż, bl-appoġġ ta' 'l fuq minn mitt sieħeb.
F'Mejju 2012, il-Konsensus ta' Kopenħagen identifika l-prevenzjoni tal-malnutrizzjoni bħala l-ewwel azzjoni li trid issir u l-istrateġija ta' investiment l-aktar profittabbli.
Il-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni bit-titolu “Enhancing Maternal and Child Nutrition in Eternal Assistance: An EU Policy Framework" ("Intejbu n-Nutrizzjoni Materna u dik tat-Tfal fl-Assistenza Esterna: Qafas Politiku tal-UE") tenfasizza l-bżonn li jsir titjib fil-koordinazzjoni bejn l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp. B'konformità ma' objettivi definiti mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, il-komunikazzjoni minn banda għandha l-għan li tnaqqas b'40% (jew b'7 miljuni) l-għadd ta' tfal ta' inqas minn 5 snin li jippreżentaw dewmien fl-iżvilupp tagħhom minn issa sal-2025. Mill-banda l-oħra, il-komunikazzjoni tipprevedi li titnaqqas u tinżamm taħt il-5% l-għelubija kbira tat-tfal li għandhom anqas minn 5 snin. Il-komunikazzjoni tirrakkomanda wkoll approċċ multisettorjali, li jallinja l-politiki dwar l-iżvilupp rurali, l-agrikolatura sostenibbli, is-saħħa pubblika, l-ilma u d-drenaġġ, il-protezzjoni soċjali u l-edukazzjoni.
1. Hi l-Kummissjoni biħsieba tinkludi fl-istrateġija tagħha eżami ta' nofs it-term tal-miżuri li ġew implimentati? Jekk dan huwa l-każ, u jekk ikun meħtieġ, hi l-Kummissjoni pprevediet il-possibilità li l-fondi allokati (EUR 3.1 biljun għall-interventi msejħa 'sensittivi' u EUR 400 miljun għall-azzjonijiet speċifiċi ta' nutrizzjoni) jiġu orjentati mill-ġdid sabiex l-objettivi tagħha jintlaħqu sal-2025?
2. Il-Kummissjoni tipprevedi li twettaq kampanja fil-fora internazzjonali kkonċernati. Għandha l-ħsieb f'dan il-kuntest li twettaq kampanja għal effikaċja akbar tal-għajnuna jiġifieri koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna?