Prospettivi industrijali u tal-impjieg fl-industrija tal-azzar u l-ħadid fl-UE: il-ħtieġa urġenti ta' reazzjoni għat-telf ta' impjiegi u ta' produzzjoni ewlenija fl-Istati Membri
17.11.2014
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000086/2014
lill-Kummissjoni
Artikolu 128 tar-Regoli ta’ Proċedura
Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, Curzio Maltese, f'isem il-Grupp GUE/NGL
F'Novembru 2012 Outokumpu, li kienet diġà ngħaqdet ma' Inoxum fi Frar 2012, ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tkompli żżarma l-fergħat differenti ta' produzzjoni fil-fabbrika tal-azzar Acciai Speciali Terni ta' ThyssenKrupp f'Terni, billi Outokumpo kienet ingħatat awtorizzazzjoni parzjali biex tqegħedhom fis-suq filwaqt li żżomm is-settur li jħalli l-aktar qligħ f'Turin.
L-impjant AST f'Terni, li jiżgura 'produzzjoni tal-aqwa kwalità tal-UE' ta' azzar u ħadid speċjali, kien parti minn pjan ta' rkupru minn ThyssenKrupp, li fl-2012 iddeċidiet tabbanduna l-impjant ta' produzzjoni ta' azzar u ħadid billi tbigħ l-AST lil Outokumpu u tiffoka fuq produzzjoni ewlenija f'setturi oħra.
Fl-2013 l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tobbliga lil Outokumpu tieħu pass lura fir-rigward tal-akkwist tal-impjant AST f'Terni u tal-investimenti tagħha fih kif ukoll f'xi siti Ġermaniżi, bħal Krefeld u Bochum, minħabba l-konċentrazzjoni eċċessiva tagħha fis-suq dinji, fejn kellha pożizzjoni dominanti meqjusa inaċċettabbli mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, żvelat l-impatt negattiv tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi u fuq il-prospettiva ġenerali Ewropea fil-produzzjoni tal-azzar.
B'konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ThyssenKrupp reġgħet akkwistat l-impjant ta' Terni, biex b'hekk reġgħet saret il-proprjetarju uniku tal-AST, filwaqt li l-pjanijiet preeżistenti tagħha eskludew l-involviment tagħha fil-produzzjoni tal-azzar u l-ħadid.
Billi skont il-pjan ta' żvilupp industrijali ta' ThyssenKrupp, it-tkeċċija progressiva tal-ħaddiema tal-fabbriki hija prevista fl-impjant ta' Terni b'antiċipazzjoni ta' xerrej ġdid li biħsiebu jinvesti fis-settur tal-azzar u l-ħadid.
Il-Kummissjoni tista' tindika x'miżuri l-Istati Membri huma lesti jieħdu sabiex jiżguraw li l-produtturi l-aktar relevanti u ta' valur tal-azzar u l-ħadid, settur ewlieni essenzjali u strateġiku ta' kull politika industrijali avvanzata, jinżammu fl-UE?
Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kif se jimplimentaw politika industrijali effikaċi u innovattiva, qabel xejn permezz tal-ħarsien u r-rikonoxximent tal-aqwa siti ta' kompetenza fl-Istati Membri kollha u l-ispeċjalizzazzjonijiet u l-kapaċitajiet individwali tagħhom, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe tentazzjoni li tiġi permessa delokalizzazzjoni devastanti u inaċċettabbli, anke bejn l-Istati Membri?